Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra qed tinvestiga dak li qed jitqies bħala vjolenza domestika aggravata bis-swat fuq omm tat-tlett itfal żgħar. Dan il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn nhar il-Ħadd u lbieraħ, u l-omm kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn fil-fatt instab li kienet qed issofri minn ġrieħi serji f’wiċċha u f’rasha. L-istorja kienet żvelata mill-ġurnal in-Nazzjon.
Minn stħarriġ li għamel il-ġurnal jirriżulta li argument ta’ rutina bejn l-omm u s-sieħeb tagħha, it-tnejn ta’ nazzjonalità Rumena, wassal biex ir-raġel refa’ jdejh fuq il-mara, sawwatha brutalment u b’konsegwenza ta’ hekk hi kellha tiddaħħal l-Isptar Mater Dei ssofri minn ġierħi f’rasha u f’wiċċha.
Ir-Rumena għamlet ukoll rapport fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Pawl il-Baħar fejn stqarret li dawn l-inċidenti ta’ abbuż domestiku fuqha kienu qed isiru spiss u, agħar minn hekk, kienu qed jaggravaw fil-vjolenza tagħhom. Hi qalet lill-Pulizija li hi ma kinitx lesta tmur lura d-dar għaliex is-sieħeb tagħha żgur li kien ipattihielha talli rrappurtatu lill-Pulizija.
Ir-Rumena, li ilha residenti Malta għal dawn l-aħħar 5 xhur, spiss kienet twissi lis-sieħeb tagħha biex ma jerfax idejh fuqha għax inkella ma kien ikollha l-ebda alternattiva għajr li tmur għand il-Pulizija u tiżvela magħhom kif is-sitwazzjoni fid-dar kienet saret infern.
L-omm irrakkuntat lill-Pulizija li minkejja li għandha tlett itfal li jgħixu mal-ġenituri tagħha fir-Rumanija, madwar sena ilu hi kienet kostretta tagħmel abort u hekk tilfet ir-raba’ wild tagħha.
Madwar disa’ xhur ilu, il-koppja Rumena kienet għal dawk li suppost kienu vaganzi fl-Ingilterra; izda anki hemmhekk l-argumenti ma naqsux u f’jum minnhom hi sfat abbużata u msawta mill-istess sieħeb tagħha.
Hi qalet lill-Pulizija li kienet kostretta tmur għandhom ilbieraħ wara t-trawma li għaddiet minnha fil-lejl bejn il-Ħadd u lbieraħ, meta għal darba oħra żviluppa argument bejnha u s-sieħeb tagħha u l-istess sieħeb tagħha kein għal darba oħra vjolenti fil-konfront tagħha. Hu sawwatha f’wiċċha u f’rasha.
Sadattant, tul in-nofstanhar tal-bieraħ filgħodu, il-Pulizija interrogaw fit-tul lir-Rumen u ppruvaw jistabbilixxu l-fatti għal din l-imġiba xejn normali. Fi tmiem l-investigazzjonijiet, il-Pulizija tad-distrett setgħu jifformulaw l-akkużi fil-konfront tar-raġel b’numru ta’ akkużi relatati ma’ vjolenza domestika biex fis-sigħat li ġejjin hu jitressaq il-qorti dwar din il-vjolenza domestika.
Sadattant, l-omm baqgħet tinżamm l-Isptra Mater Dei għall-kura minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbet, b’mod partikulari f’wiċċha u f’rasha.
//= $special ?>