Żvolta oħra f’dik li issa tista’ tissejjaħ saga sabiex tinfetaħ investigazzjoni dwar akkużi ta’ ħasil ta’ flus minn uffiċjali għolja fil-Gvern u persuni qrib tagħhom marbuta mal-iskandlu tal-Panama Papers. Dan hekk kif fil-Qorti preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, illum beda jinstema’ r-rikors Kostituzzjonali li tressaq minn Simon Busuttil li dak iż-żmien kien Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi milli jisma’ appell sabiex titwaqqaf l-investigazzjoni.
Iżda is-seduta bilkemm kienet bdiet meta l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għamlet talba sabiex l-appellanti fil-kawża li qed tinstema’ quddiem l-Imħallef Mizzi – Il-Prim Ministru, il-Ministru Konrad Mizzi, Keith Schembri, l-accountants Brian Tonna u Karl Cini, l-imprenditur Malcolm Scerri u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group Adrian Hillman – jiddaħħlu fil-kawża għaliex għandhom interess fiha.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Jason Azzopardi oppona għal din it-talba għaliex f’dan l-istadju, mhux qed tinstab ħtija u allura, m’għandhomx interess fil-kawża. Hu rrimarka li l-Avukat Ġenerali donnu m’għadux l-Avukat tal-Gvern iżda sar l-Avukat tal-Prim Ministru u tal-appellanti l-oħra kollha.
Il-Proċeduri waslu sa hawn wara li f’Mejju li għadda, Simon Busuttil ressaq diversi provi dwar allegat ħasil ta’ flus fost oħrajn minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi, dak iż-żmien Ministru tal-Enerġija.
F’Lulju li għadda, il-Maġistrat Ian Farrugia qal li hemm biżżejjed provi biex tinfetaħ inkjesta iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi kif ukoll l-accountants Brian Tonna u Karl Cini, l-imprenditur Malcolm Scerri u l-eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Group Adrian Hillman appellaw kontra dan id-digriet.
Dan l-appell kellu jinstema’ mill-Imħallef Antonio Mizzi, iżda Simon Busuttil ressaq rikors fejn talab ir-rekuża tal-Imħallef Mizzi minħabba li hu miżżewweġ lill-MEP Laburista Marlene Mizzi li għamlet rimarki dwar il-Panama Papers li huwa suġġett ta’ kontroversja politika.
L-Imħallef Mizzi ma’ laqax it-talba għar-rekuża u dan wassal għar-rikors Kostituzzjonali tal-lum li hu propju dwar din id-deċiżjoni, li Simon Busuttil qed isostni li tikser id-drittijiet fondamentali tiegħu.
Fil-fatt, minħabba l-kawża Kostituzzjonali li bdiet tinstema’ llum, l-Imħallef Antonio Mizzi iddeċieda li ma jkomplix jisma’ l-appell sakemm tinqata’ din il-kawża.
Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Joseph Zammit McKeon, se tiddeċiedi dwar din it-talba, f’seduta oħra iktar tard dan ix-xahar.
L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher għal Simon Busuttil filwaqt li l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali dehret għan-nom tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>