Internazzjonali

Is-Sawdi jakkużaw lill-Iran dwar ‘att ta’ gwerra’

Il-Prinċep Mohammed bin Salman tal-Arabja Sawdija akkuża lill-Iran dwar  ‘azzjoni aggressiva diretta kontra pajjiżu fuq livell militari’ u li skont hu, saret possibbli bil-proviżjoni tal-missili (mill-Iranjani) lir-ribelli fil-Jemen.

Meta kien qed jaġġorna lill-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, il-Prinċep kien ikkwotat ( waqt diskors bit-telefon) li l-azzjoni partikulari ‘tista tkun ikkunsidrata bħala att ta’ gwerra’.

Nhar is-Sibt, missila ballistika sparata mill-Jemen kienet interċettata qrib il-belt ta’ Riyadh, il-kapitali tal-Arabja Sawdija. Intant, l-Iran ċaħad li qed jipprovdi l-armi lill-moviment tar-ribelli Houthi fil-Jemen li qiegħed jiġġieled kontra koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi u li, min-naħa tagħha, qed tappoġġja lill-Gvern Jemeni.

Fl-aħħar jiem, l-istampa b’konnessjonijiet mal-Houthi rappurtat li r-ribelli kienu sparaw missila ballistika tat-tip Burkan H2 lejn l-Ajruport Internazzjonali tar-Re Khaled, li jinsab lejn il-grigal ta’ Riyadh u xi 850 kilometru ‘il hinn mill-fruntiera tal-Arabja Sawdija mal-Jemen.

Is-sorsi Sawdi, intant, irrappurtaw li d-difiżi ta’ pajjiżhom għal kontra l-missili interċettaw dik il-missila waqt li kienet fl-ajru, u li partijiet tal-missila kienu niżlu fiz-zona tal-ajruport fejn ma rriżultawx vittmi.

Il-grupp Human Rigħts Watch qal li l-isparatura indiskriminattiva ta’ missila lejn ajruport li, fil-parti kbira, taqdi funzjoni ċivili għandha titqies bħala reat ta’ gwerra.

Sadanittant, il-Ministru Johnson, waqt it-telefonata mal-Prinċep Mohammed, esprima l-kundanna għall-azzjoni ‘mill-militanti tal-Houthi’ waqt li kkonferma l-appoġġ tar-Renju Unit għall-Arabja Sawdija fl-impenji għall-kontroll tat-theddid kontra s-sigurtà.

Min-naħa tiegħu, il-Prinċep Sawdi rrepeta li pajjiżu ‘qed jikkunsidra l-implikazzjoni tar-reġim Iranjan f’azzjoni ta’ gwerra kontra l-Arabja Sawdija.’