Lokali

Tonio Fenech u d-Diretturi tal-Falcon meħlusa mill-akkużi tal-Pulizija Żvediża

L-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, flimkien mad-Diretturi tal-kumpanija Falcon, inħelsu minn kull akkuża ta’ suspett ta’ frodi mill-kumpanija li jmexxu. L-investigazzjonijiet kienu qed jitmexxew mill-Pulizija Żvediża wara akkuża ta’ frodi fi skema ta’ pensjonijiet.

Il-Prosekutur Żvediża Arne Fors qalet li l-investigazzjonijiet urew li d-Diretturi tal-kumpanija ma kellhomx intenzjoni kriminali. Min-naħa l-oħra, jidher li huma kienu mqarrqa dwar dan l-investiment.

Fors irreferiet għal pożizzjoni iebsa li l-Uffiċjali tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ħadet fil-konfront tal-Falcon, li min-naħa tagħhom setgħu jindirizzaw biss xi negliġenza li seta’ kien hemm fil-kumpanija.

Barra minhekk, il-Pulizija Żvediża baqgħet ma rnexxilhiex titraċċa kwalunkwe ħlasijiet li allegatament ingħaddew minn pajjiż għall-ieħor. Madankollu, il-Prosekutur stqarret li aktar investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin.