“Xibka ta’ ħbiberija ma’ uffiċjali għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti qed jiffaċilita’ t-traffikar ta’ fuels mill-Libja”. Isostni dan il-ġurnal Taljan Il Sole 24 ore li qed jirrapporta dwar investigazzjoni li qed issir mill-Guardia di Finanza ta’ Catania.
Miljuni ta’ litri ta’ diesel u prodotti oħra taż-żejt qed jidħlu b’mod illegali mill-Libja għas-suq Taljan u Ewropew. L-Investigazzjoni wasslet għall-arrest ta’ numru ta’ Taljani, Maltin u Libjani li kienu qed jimportaw minn raffinerija taż-żejt f’Zuwara, aktarx bil-“barka” ta’ uffiċjali fil-kumpanija nazzjonali taż-żejt Libjana li jagħlqu għajn waħda.
Il-ġurnal Taljan ikompli li mill-investigazzjoni ħareġ li hemm diversi rabtiet u kuntatti ma’ “persunaġġi influwenti” fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti. L-Awtoritajiet Taljani qed isostnu li wieħed mis-suspettati ewlenin, l-eks plejer tal-football Darren Debono, ħa sehem f’mill-inqas laqgħa waħda li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fid-29 ta’ Jannar 2016.
Il Sole 24 ore jikkwota dik li tidher li hi telefonata interċettata ta’ Darren Debono ma’ Taljan li jġib l-isem ta’ Marco Porta. F’din it-telefonata tat-3 ta’ Ġunju 2016, Debono isemmi mara mlaħħqa fil-Ministeru u li hemm bżonn tal-firma tagħha biex il-prodotti illegali jkunu legalizzati.
Skont il-Guardia di Finanza, ċertu dokumenti iffirmati minn “Legalisation Officer” tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin bil-firma “K M”, intużaw biex “jillegalizzaw” l-oriġini ta’ minn fejn ġej il-fuel. L-investigaturi jgħidu li dan juri li dan il-grupp kriminali kien kapaċi juża “x-xibka ta’ ħbiberiji ta’ Darren Debono li kienet tinkludi il-kollaborazzjoni minn uffiċjali għolja Maltin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.”
//= $special ?>

