Internazzjonali

Trump iħeġġeġ lill-Korea komunista għad-djalogu

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħeġġeġ lill-Korea ta’ Fuq komunista biex ‘tersaq madwar il-mejda tan-negozjati’ u tiddiskuti sitwazzjoni fejn tista’ ċċedi għall-armi nukleari.

Trump, li għaddej b’sensiela ta’ żjarat fl-Asja, kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Seoul, flimkien mal-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in.

Intant – u filwaqt li qabel kien hedded li jikkonfronta lill-Korea ta’ Fuq ‘bin-nar u r-rabja kollha’ – Trump,  din id-darba, kien aktar meqjus fi kliemu u, fost oħrajn, esprima tamiet sinċieri li ma jispiċċax f’sitwazzjoni fejn ikollu juża bilfors il-militar Amerikan kontra r-reġim komunista fi Pyongyang.

L-ambizzjonijiet nukleari tal-Korea ta’ Fuq huma l-aktar issue sinifikattiva fuq l-aġenda ta’ Trump waqt li jkompli bil-vjaġġi fl-Asja.

Sadattant, Donald Trump u l-President Moon Jae-in irrepetew is-sejħa biex il-Korea ta’ Fuq tattwa proċess ta’ denuklearizzazzjoni. Il-Mexxej Amerikan kompla jgħid ‘li jagħmel is-sens li l-Korea komunista tirritorna fit-triq tad-djalogu’ u li ħaġa bħal din hi xierqa mhux biss għall-partijiet interessati ‘iżda għall-umanità kollha madwar id-dinja’.

Iż-żewġ mexxejja, f’Seoul, sejħu wkoll biex iċ-Ċina u r-Russja jwettqu l-pressjoni fuq Pyongyang. Dan fost il-konferma li tneħħa l-limitu għall-kalibru tal-missili għall-Korea t’Isfel, skont ftehim li kien intlaħaq f’Settembru.