Lokali

David Casa jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ investigazzjoni dwar Pilatus Bank

Mill-arkivji: L-MEP David Casa jindirizza s-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

Il-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa appella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga l-prattiċi ta’ Pilatus Bank, li huwa ddeskrivihom bħala abbużivi u ta’ theddid kontra l-mezzi tax-xandir.

David Casa argumenta li l-prattika ta’ intimidazzjoni lill-mezzi tax-xandir b’kawżi li jlaħħqu miljuni ta’ Ewro f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea huwa inaċċettabbli filwaqt li jiġġustifika u jitlob risposta mill-Unjoni Ewropea.

David Casa jfakkar li Pilatus Bank, bank stabbilit f’Malta, jinsab fiċ-ċentru tal-iskandlu tal-Panama Papers. Hu kompla jgħid li f’rapport mill-FIAU juri li l-bank kien allegatament użat miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri biex jirċievi flus b’tixħim minn fuq il-bejgħ tal-passaporti Maltin, fost l-oħrajn.

Casa żied jgħid li Pilatus Bank issa qed jhedded lill-mezzi tax-xandir f’Malta b’kawżi multi-miljunarji f’ġuristizzjonijiet oħra, speċjalment fl-Istati Uniti. Il-bank innifsu m’għandux preżenza fl-Istati Uniti. Pilatus Bank talab li jitneħħa kontenut, li jitħassru ċerti frażi u artikli mill-arkivji diġitali tal-gazzetti Maltin. L-għan ta’ dan kollu huwa li jiġu ntimidati l-mezzi ġurnalistiċi billi jhedduhom li jkissruhom finanzjarjament.