Lokali

FILMAT: Iż-Żelqa ta’ Owen Bonnici dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

F’artiklu l-ġurnal Le Monde jirreferi għall-assassinju ta’ Caruana Galizia (Ara l-filmat fil-link), u kif uliedha qed jitolbu r-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt li jakkużawh li ħoloq kultura ta’ impunità li ġabet lil Malta fi “stat mafjuż”.

L-artiklu jagħmel referenza għal meta l-ġurnalista f’April li għadda kitbet li mart il-Prim Ministru Joseph Muscat kienet il-benefiċjarju ta’ kumpanija fil-Panama, bl-isem ta’ Engrant, u li fiha ġew iddepożitati $1 miljun mill-Ażerbajġan.

Le Monde ikompli jgħid kif ulied Daphne jridu li tintrefa’ r-responsabbiltà politika, iżda li l-Ministru Malti għall-Ġustizzja ċaħad din l-ipoteżi b’saħħa. Madanakollu, bi żball qal li nqatlet “mill-politiċi”. Le Monde jiddeskrivi dan bħala ‘żelqa terribbli’. Owen Bonnici jinstema’ jgħid li “Daphne nqatlet mill-politiċi…skużawni, mill-kriminali”. Qal ukoll li sfortunatament il-kriminali jinsabu kullimkien.

Il-ġurnal isemmi kif Caruana Galizia kienet tinvestiga skandli ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, sakemm fis-16 ta’ Ottubru nqatlet b’bomba fil-karozza tagħha.

Le Monde hija fost il-kmamar tal-aħbarijiet Ewropej, li f’ittra miftuħa talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiftaħ investigazzjoni indipendenti dwar il-qtil tal-ġurnalista.