Lokali

F’Pajjiżna hawn kriżi fl-Istituzzjonijiet – Il-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kumitat PANA jikkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni: li f’Malta hawn kriżi fl-istituzzjonjiet. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament.

Adrian Delia qal li r-rapport finali tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew li wettaq investigazzjoni wara dak li ġie żvelat mill-Panama Papers, jgħid bla tlaqlieq li l-uniku Ministru msemmi fil-Panama Papers huwa Konrad Mizzi u li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna naqsu milli jieħdu l-passi neċessarji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li minkejja il-fatti li ġew żvelati, il-Pulizija mhux biss ma nvestigatx iżda l-Kummissarju tal-Pulizija prova jitfa’ kollox taħt it-tapit. Adrian Delia semma’ kif il-Gvern Malti l-ewwel kasbar l-istituzzjonjiet ta’ pajjiżna imbagħad wera disprezz lejn l-istituzzjonijiet Ewropej ukoll.

Ir-rapport tal-Kumitat PANA jikkonkludi li Pilatus Bank naqas milli jkun konformi mar-regoli dwar il-proċeduri kontra l-ħasil ta’ flus, qal Adrian Delia. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan il-bank issa qiegħed ukoll jipprova jgħalaq ħalq il-ġurnalisti Maltin billi jheddihom b’kawżi finanzjarjament projbittivi f’ġurisdizzjonijiet barranin.

Adrian Delia faħħar l-inizjattiva tal-Kap tad-delegazzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista David Casa illi appella lill-Kummissjoni Ewropeja sabiex tinvestiga dawn il-prattiċi abbużivi kontra l-mezzi tax-xandir minn Pilatus Bank.

Filwaqt li l-Kumitat PANA jikkonkludi li fl-isttuzzjonijiet Maltin hemm indħil politiku, qal Adrian Delia, hija preokkupanti r-reazzjoni tal-Gvern li ħareġ stqarrija fejn tinjora għal kollox l-aktar punti mportanti fir-rapport. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jkun qed jagħmel ħsara lil pajjiżna min jikser il-liġi, min jaħsel il-flus, u min idgħajjef l-istituzzjonijiet.

L-Oppożizzjoni, għall-kuntrarju, trid li jissaħħu l-istituzzjonjiet tenna Adrian Delia. Huwa qal li l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta li pajjiżna jkompli buisness as usual qabel ma’ din il-kriżi tiġi indirizzata bis-serjetà.

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni tingħaqad mas-Soċjetà Ċivili u titlob għat-tneħħija immedjata tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija. Huwa qal li l-għażliet għal dawn iż-żewg karigi għandhom ikunu ta’ serħan il-moħħ għaċ-ċittadini b’żewġ terzi tal-kamra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Parlament għandu jaħdem flimkien sabiex jissaħħu l-istituzzjonijiet bis-serjetà. L-Oppożizzjoni qiegħda tipproponi li jingħata timeframe ta’ sitt xhur sabiex jittieħdu d-deċiżjonijiet bil-għaqal fil-Kamra tad-Deputati, qal Adrian Delia. Huwa qal ukoll li għandu jingħata żmien ta’ massimu ta’ tmintax-il xhar dwar il-qafas tal-konvenzjoni għar-riforma fil-kostituzzjoni, b’tali mod li jekk ikun hemm bżonn ta’ referendum dan jikkoinċidi mal-Elezzjonijiet tal-2019.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux sorpriża li f’pajjiżna hawn kriżi istituzzjonali meta huwa l-kriminal li jħossu komdu u mhux iċ-ċittadin. Huwa qal li l-Prim Ministru għandu jkun minn ta’ quddiem nett li jerfa’ responsabbiltà politika għal din is-sitwazzjoni.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni kien hemm mil-Membri Parlamentari David Stellini u Jason Azzopardi.