Internazzjonali

Igħid li hemm bżonn li n-NATO tiġġedded

Jens Stoltenberg

In-NATO qed tħeġġeġ lill-pajjiżi fl-Ewropa biex itejbu l-infrastruttura ħalli jassiguraw li jkunu b’saħħithom biżżejjed għal ċaqliq mgħaġġel ta’ truppi u vetturi.
Qabel laqgħa fi Brussell mill-Ministri tad-Difiża tal-pajjiżi membri, is-Segretarju Ġenerali tal-alleanza militari, Jens Stoltenberg, qal li kien vitali li t-toroq, pontijiet u linji tal-ferrovija jkunu jifilħu għat-tankijiet tal-gwerra u tagħmir militari tqil.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Stoltenberg qal li n-NATO trid struttura ta’ kmand ġdida biex ikun assigurat li hemm il-forzi adegwati fejn hu meħtieġ, fil-ħin li hemm bżonn u bl-apparat li hemm bżonn.
In-NATO għandha t-talbiet militari għal kif għandha tkun l-infrastruttura ċivili u dawn iridu jkunu mġedda minħabba l-bżonnijiet militari tal-lum. Hu qal li dan hu xogħol li jirrikjedi ħidma mill-qrib mal-Unjoni Ewropea.
Hu tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-pajjiżi membri jkunu jistgħu jifilħu għall-attakki minn fuq l-internet, apparti mill-attakki tradizzjonali.