Lokali Parlament

Il-Mellieħa għandha tkun salvata minn sfreġji ambjentali

– Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar appella lill-awtoritajiet biex ma jibqgħux jittieħdu azzjonjiet li bihom il-lokalità tal-Mellieħa qed titlef ħafna mill-karattarestiċi ambjentali li għandha.

Fl-Aġġornament tal-parlament id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem dwar l-ambjent fil-Mellieħa u qal li llum din il-loaklità qed titlef mill-ġmiel naturali tagħha. Din hi l-iktar lokalità li għandha siti protetti kemm ambjentali kif ukoll storiċi iżda dawn il-postijiet illum qed ikunu mhedda.

Robert Cutajar tkellem dwar il-Pjazza tal-Mellieħa u appella biex ma jkun approvat l-ebda proġett li jtellef il-karatteristċi uniċi ta’ din il-pjazza, fil-qalba tal-lokal tal-Mellieħa.

Hu staqsa jekk il-proċeduri f’din l-applikazzjoni kinux segwiti għall-fatt li l-applikazzjoni ma dehritx quddiem bord partikolari tal-Awtorità tal-Ippjanar. Hu appella biex il-kunsill lokali tal-Mellieħa jagħmel dak mitlub minnu mil-lokalità.

Robert Cutajar kkritika wkoll il-fatt li fid-daħla tal-Mellieħa issa se jkun hemm mostru ta’ concrete għaliex kien hemm min irnexxielu jdur mal-policies biex tinbena lukanda ta’ disa’ sulari. Hu staqsa fejn hu l-kunsill lokali tal-Mellieħa biex iwassal il-vuċi tar-residenti.

Dwar is-siti ta’ Natura 2000 u l-Park tal-Majjistral, Robert Cutajar kkritika l-fatt li se jkun hemm estenzjonijiet tal-ħinjiet għall-insib u l-kaċċa. Hu appella biex tingħata importanza għall-interessi tal-familji u tat-turisti li jżuru l-Park tal-Majjistral. F’dan il-kuntest, il-gvern għandu jikkunsidra li jkun imsaħħaħ il-bilanċ li kien instab fl-2011 bejn il-kaċċaċaturi u l-familji li jużaw dan il-park.