Internazzjonali

Il-President Trump jasal fiċ-Ċina

Il-President Donald Trump wasal fiċ-Ċina bħala parti mill-vjaġġ li qed jagħmel fil-kontinent Asjatiku – l-itwal wieħed fir-reġjun minn President Amerikan f’dawn l-aħħar 25 sena.
Żjara li qed issir fid-dell tal-kriżi Koreana u fejn iċ-Ċina hi l-akbar alleat tal-Korea ta’ Fuq.

Hu wasal f’Beijing wara li sfida lil dawk kollha li għadhom jagħmlu negozju mal-Korea ta’ Fuq biex jieqfu jagħmlu dan u wara li stqarr li “il-piż tal-kriżi hi fuq il-kuxjenza tagħkom”.
Mal-wasla f’Beijing, Trump u l-First Lady iltaqgħu mal-President Ċiniż, Xi Jinping, u martu. Hawn hu ngħata merħba kbira mal-wasla f’Beijing u ftit sigħat wara ngħata dawra tal-Belt Projbita, il-post tal-palazzi tal-imperaturi Ċiniżi tal-passat.
Din hi l-ewwel żjara uffiċjali ta’ Trump fiċ-Ċina, it-tielet pajjiż Asjatiku li hu qed iżur waqt vjaġġ ta’ 11-il ġurnata.
Matul iż-żjara ta’ jumejn, Trump u Jinping se jkollhom diversi laqgħat. Hu mistenni li żewġ temi se jiddominaw din iż-żjara: il-kriżi Koreana u l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.