Lokali

Issir il-laqgħa bejn l-attivisti ta’ Occupy Justice u l-Prim Ministru

“Meta jinqatel ġurnalist ikollna sinjal ċar u mingħajr ekwivoku li s-sistemà falliet.” Iddikjaraw dan l-attivisti ta’ Occupy Justice, li wara jiem ta’ stennija fl-aħħar intlaqgħu mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja.

F’messaġġ li qraw lill-Prim Ministru, li kien akkumpanjat mill-Ministri Owen Bonnici u Helena Dalli, u s-Segretarju parlamentari Julia Farrugia, l-attivisti fakkru li r-responsabbiltà trid tintrefa’ mill-għassiesa tal-liġi u l-ordni f’pajjiżna.

“Stennejna għal kemm-il darba li l-Avukat Ġenerali attwali u li Kummissarju tal-Pulizija wara l-ieħor jaġixxu, u minflok ma dehru mkien.  L-aktar meta kellha tittieħed azzjoni kontra persuni qrib il-Gvern, inkluż persuni qrib tiegħek,“ iddikjaraw.

Fakkru lill-Prim Ministru li mal-ħatra tiegħu ħa ġurament li jwettaq dmiru u jirrappreżenta lill-poplu, li jassigura l-Kostituzzjoni u d-drittijiet u l-prinċipji fl-interess tal-poplu kollu. “Minflok, rajnik tuża l-pożizzjoni tiegħek biex taħtar ‘l min jissimpatizza miegħek fil-parti l-kbira tal-pożizzjonijiet fl-istituzzjonijiet; istituzzjonijiet li, suppost, jibbalanċjaw u jissorveljaw l-aġir tal-gvern biex taħdem sew id-demokrazija. Kuljum qed tuża l-pożizzjoni tiegħek biex, effettivament, tikkontrolla ‘l-istituzzjonijiet,” stqarru l-attivisti, li qalu li dan l-aġir jixbah iżjed lil sistemà awtokratika bħalma qed jiġri fl-Ungerija u t-Turkija.

Wissew li l-Prim Ministru se jħalli warajh legat fejn ikun ħa kontroll assolut tal-pajjiż, li jgħaddi bħal gaffa fuq kull min ma jappoġġjahx u li niesu jinfexxu kontra min ma jaqbilx magħhom.

L-attivisti ta’ Occupy Justice qalu li wara dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia, illum għandna pajjiż mifrud u li ma nistgħux niftaħru iżjed li hu wieħed sigur. Fid-dawl ta’ dan appellawlu biex jilqa’ t-talbiet tagħhom, inkluż it-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

“Nemmnu li jekk ma tindirizzax dak li qed iħassibna u tinjora dak li qed nesiġu, tibqa’ tissemma’ bħala l-Prim Ministru li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu għax kellu maġġoranza tant komda,” iddikjaraw l-attivisti f’Kastilja.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat, viżibilment skomdu waqt l-istqarrija tal-attivisti,  fir-risposta tiegħu qal li ma jemminx li hawn firda fis-soċjetà fir-rigward tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li ddikjara li ma jaqbilx ma’ ħafna minn dak li qalulu, qal lill-attivisti li hu kkundanna lil dawk li attakkawhom meta kienu qed jipprotestaw. Madankollu wieħed minn dawk l-iktar li attakkahom, jiġifieri l-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb li għajjarhom prostituti għaliex ikkampjaw quddiem Kastilja, għadu sa llum iservi bħala konsulent tal-Gvern.

L-attivisti ħallew il-laqgħa li kompliet b’mod privat ftit biss wara li bdiet. Dan wara li deher ċar li t-talbiet tagħhom ma kinux se jintlaqgħu. Filfatt il-Prim Ministru avżahom li hu llegali li jitneħħa l-Avukat Ġenerali jew il-Kummissarju tal-Pulizija, kif qed jitolbu huma.

Din hi l-iskuża li l-Prim Ministru ilu juża għall-aħħar jiem, iżda li fi kliem l-Oppożizzjoni mhux skuża valida għaliex kemm l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ma qdewx dmirhom.

Lura fi Pjazza Kastilja, ir-rappreżentanti ta’ Occupy Justice intlaqgħu minn folla li organizzat dimostrazzjoni spontanja fost il-kori ta’ “Ġustizzja għal Galizia, Malta Tagħna Lkoll” u wkoll l-innu Malti.