Lokali

L-ispettur Elton Taliana jirbaħ kawża fil-qorti dwar il-każ ‘Daryl Luke Borg’

L-Ispettur Elton Taliana

Manuel Mallia, bħala eks-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u Pietru Pawl Zammit bħala eks-Kummissarju tal-Pulizija, ilbieraħ kienu misjuba ħatja mill-Qorti dwar il-mod li fih kienu trattaw lill-Ispettur Elton Taliana fil-każ ‘Daryl Luke Borg’.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Joseph R. Micallef, fost l-oħrajn, iddeċidiet fil-konklużjonijiet tagħha li ssib kemm lill-eks-Ministru Manuel Mallia, u kemm l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Petru Pawl Zammit, bħala kontraditturi leġittimi tal-azzjoni attriċi, jiġifieri li huma kienu responsabbli għall-mod kif l-Ispettur Elton Taliana kien trattat rigward din l-investigazzjoni.

Il-Qorti qalet li ssib lill-għemil tal-Bord tal-Pulizija, fl-istħarriġ tal-każ kontra l-Ispettur Elton Taliana, u li ntemm bi ħruġ ta’ rapport tas-26 ta’ Awwissu 2013, “ma jiswiex għaliex imwettaq lil hinn mis-setgħet mogħtija lilu mil-Liġi u liema għemil hu bla effett fil-Liġi u għalhekk il-Qorti qiegħda tħassar dak l-għemil.”

Fis-sentenza tagħha l-Qorti ordnat ukoll li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu mill-imħarrkin, jiġifieri mill-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Avukat Ġenerali flimkien bejniethom.

Il-każ ‘Daryl Luke Borg’ fir-rigward ta’ din is-sentenza jmur lura għall-24 ta’ Frar tal-2014, meta l-Ispettur Elton Taliana talab lill-Qorti biex issib l-għemil tal-Bord tal-Pulizija bħala null u ma jiswiex u li ma għandu l-ebda effett għaliex l-għemil tal-imsemmi Bord tal-Pulizija kien imur lil hinn mis-setgħet tiegħu għaliex ma ħarisx il-prinċipji tal-ġustizzja naturali hu u jwettaq xogħol kif ukoll għaliex ma segwiex ħtiġijiet proċedurali mandatorji u anki għaliex jammonta għal abbuż tas-setgħat tiegħu għaliex imtebba’ b’għanijiet mhux xierqa u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet irrilevanti. Barra minhekk dan kollu kien imur ukoll kontra l-Liġi billi ma jħarisx id-dispożizzjonijiet tal-Kapitlu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta li jwaqqaf u li jirregola l-għemil tal-istess Bord tal-Pulizija.

Fis-sentenza tagħha l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili tat ħarsa dettaljata lejn il-każ innifsu tal-hold-up li kien seħħ f’Birkirkara fi stabbiliment kummerċjali u l-Ispettur Elton Taliana kien mar fil-post mal-esperti maħturġa mill-Maġistrat f’Inkjesta Maġisterjali.

Jirriżulta li fis-7 ta’ Awwissu, l-Ispettur Taliana kien mgħarraf minn Supretendent fil-Korp li dakinhar l-Iskwadra Investigazzjonijiet Kriminali kienet ressqet persuna – lil Daryl Luke Borg – quddiem il-Qroti tal-Maġistrati b’rabta mal-istess serqa. Dik il-persuna ma kinitx ingħatat il-ħelsien mill-arrest.

Jirriżulta, kompliet is-sentenza tal-Qorti, li l-għada li Daryl Luke Borg kien tressaq il-Qorti, hu (l-Ispettur Taliana) kien irċieva tagħrif minn informatur li qallu min kienet il-persuna li kienet involuta fl-istess hold-up, ċioè li l-persuna kienet differenti minn dik li kienet tressqet il-Qorti. Fuq is-saħħa ta’ dan it-tagħrif, l-Ispettur Taliana kiseb l-awtorizzazzjoni mingħand il-Maġistrat tal-Għassa biex jarresta lill-persuna indikata lilu.

Il-Qorti kompliet li matul iż-żmien, din il-persuna – Roderick Grech – kienet inżammet mill-Pulizija u kellmet Avukat li riedet hi. Fid-9 ta’ Awwissu kienet għamlet stqarrija li fiha ammettiet li kellha x’taqsam mal-hold-up.
L-Ispettur Taliana għarraf b’dan lill-Maġistrat tal-Għassa u kien ordnat biex iressaq lill-persuna konċernata minnufih quddiem il-Qorti. Roderick Grech tressaq il-Qorti u quddiem il-Maġistrat hu ammetta l-involviment tiegħu fil-hold-up u dakinhar stess il-Qorti tat is-sentenza tagħha dwar dan il-każ.

Fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp, l-ewwel persuna li kienet tressqet il-Qorti dwar dan il-każ, kienet inħelset mill-arrest preventiv.

Ġara mbagħad li l-Ispettur Taliana ssejjaħ fid-Depot tal-Pulizija biex ikollu laqgħa għand il-Kummissarju tal-Pulizija flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Korp. L-għada, l-10 ta’ Awwissu, kien irċieva ordni minn superjur tiegħu, biex jerġa’ jmur id-Depot bid-dokumenti li kellu dwar l-investigazzjonijiet li kien għamel dwar dan il-każ.

Fl-istess jum, il-Bord tal-Pulizija tlaqqa’ b’urġenza fil-bini tal-Ministeru tal-Intern biex jinvestiga l-aġir tal-Ispettur Elton Taliana. Il-Bord tal-Pulizija suppost li kellu l-kompitu li jinvestiga l-aġir tal-Pulizija kollha involuti invista li dwar l-istess każ kienu tressqu l-Qorti żewġ persuni.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti, kompliet li “fir-rigward tal-Kummissarju tal-Pulizija – Pietru Pawl Zammit – mid-dokumenti mressqa jirriżulta li dan kien il-persuna li ħatar inkjesta interna u, minkejja li dik l-inkjesta ma kinitx tirrigwarda l-imġiba tal-attur – imma ta’ kollegi oħrajn tiegħu – ħareġ akkużi kontra l-Ispettur Elton Taliana u nieda l-proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Il-Qorti filwaqt li kompliet tispjega fid-dettal l-analiżi li għamlet dwar ix-xhieda kollha miġjuba dwar dan il-każ, imbagħad għaddiet għas-sentenza li permezz tagħha illiberat lill-Ispettur Elton Taliana minn kull ħtija u minn kull responsabbiltà ta’ xi aġir mhux regolari jew xieraq fil-qadi tad-doveri tiegħu.

L-istess Qorti sabet lill-eks-Ministru tal-Intern Manuel Mallia u lill-eks-Kummissarju tal-Pulizija Pietru Pawl Zammit, ħatja ta’ aġir irregolari u lil hinn mis-setgħat mogħtija lilhom mil-Liġi fir-rigward ta’ dan il-każ. Flimkien mal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika huma ntalbu jħallsu l-ispejjeż kollha dovuti f’dan il-każ.