Lokali

Matthew Caruana Galizia aggredit minn raġel li waqaf jieħu r-ritratt ftit wara l-isplużjoni

Ftit minuti biss wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fl-istess ħin li l-karrozza kienet għadha qed taqbad, binha Matthew Caruana Galizia ġie aggredit u ngħata daqqa ta’ ponn minn raġel li waqaf jieħu r-ritratti ta’ dak li kien qed jiġri fil-Bidnija.

Matthew Caruana Galizia tkellem ma manueldelia.com fejn żvela kif raġel li kien qed isuq vettura silver, waqaf fil-ġenb tat-triq ftit wara l-isplużjoni biex jieħu ritratti ta’ dak li kien għaddej.

Matthew Caruana Galizia spjega kif minflok ir-raġel offra l-għajnuna tiegħu billi ċempel għall-għajnuna, jew saqsa kif seta’ jgħin qgħad jieħu r-ritratti fl-istess ħin waqt li l-karrozza b’Daphne Caruana Galizia fiha kienet qed taqbad, kawża tal-isplużjoni.

Iben il-ġurnalista maqtula kompla jispjega li fil-post kien hemm ukoll żewġ pulizija li marru b’fire extinguished. Kif lesta jieħu r-ritratti r-raġel mar lura lejn il-karrozza saqsa xi ħaġa lill-Pulizija u t-tweġiba tagħhom kienet ‘Orrajt, orrajt ħi. Tista’ tmur, m’hemmx problema’ mingħajr ma saqsew xejn jew żammew il-karrozza fix-xena tar-reat li kellha tingħalaq għall-investigazzjonijiet.

Malli ra li r-raġel kien se jitlaq Matthew kien qal lill-pulizija li r-raġel kien ħa xi ritratti u r-raġel ċaħad mill-ewwel li ħa xi ritratti. Malli wieġeb hekk u tah il-mobile biex jara Matthew Caruana Galizia sabbat il-mobile mal-art biex ikollu raġuni għalfejn il-pulizija iżżomm lir-raġel fil-post u kien hawnhekk li r-raġel aggredixxa lil Caruana Galizia u tah daqqa ta’ ponn lill-iben il-ġurnalista.

Wara li ta’ daqqa ta’ ponn ir-raġel inżamm fil-post għal madwar siegħa imma mbagħad tħalla jitlaq.