Lokali Parlament

Possibbiltà ta’ ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq punt kruċjali fil-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika

Bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni llum inħolqot il-possibbiltà ta’ ftehim dwar punt kruċjali fil-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika; liema punt jitratta l-iskrutinju dirett mill-kumitat parlamentari tal-persuna nominata għall-kariga pubblika f’entitajiet importanti.

Din il-pożizzjoni kienet espressa fis-seduta tal-lejla li fiha l-parlament iddiskuta fi stadju ta’ kumitat il-klawsoli tal-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika. Din il-liġi tistabilixxi l-proċedura ta’ skrutinju ta’ persuni pubbliċi li jkunu nominati mill-gvern. Il-pożizzjoni tal-gvern kienet li l-persuni nominati ma jidhrux bilfors quddiem il-kumitat iżda li l-iskrutinju jsir permezz ta’ emails li jintbagħtu lill-ministru u jkunu mwieġba u mgħoddija lura lill-ministru.

L-Oppożizzjoni oġġezzjonat għal din il-proċedura u fi stadju tat-Tieni Qari pproponiet li l-iskrutinju jsir fuq il-bażi tal-proċedura tal-UE li fiha l-persuni nominati jkunu mismugħa direttament mill-kumitat. Il-Gvern oriġinarjament kien oġġezzjona bil-qawwa għal din il-proposta u enfażizza l-pożizzjoni tiegħu favur il-proċedura tal-emails.

Fis-seduta tal-lejla tkellemu l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Ministru Manwel Mallia għall-Gvern u d-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina, Simon Busuttil, Mario Galea u Herman Schiavone. Wara l-appelli tal-Oppożizzjoni biex il-gvern jerġa’ jikkunsidra l-pożizzjoni riġida tiegħu kontra s-smigħ dirett tal-persuna nominata, il-Ministru tal-Ġustizzja qal li hu se jikkonsulta mal-Grupp Parlamentari Laburista dwar din il-proposta u d-diversi proposti oħra li għamlet l-Oppożizzjoni.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qablu li l-pożizzjoni tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni tista’ tkun viċin waqt li d-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil sostna li din il-klawosla hi dik kruċjali li tista’ twassal għal qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea ippropona li jsiru laqgħat privati bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex tinstab soluzzjoni. Għal din il-proposta l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li kien se jikkomunika mad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar il-possibbiltà li jintlaħaq ftehim.

Id-deputati Nazzjonalisti Simon Busuttil u Karol Aquilina appellaw biex jintlaħaq ftehim dwar il-persuni nomintai f’karigi ta’ importanza nazzjonali li dwarhom irid ikun hemm qbil nazzjonali u skrutinju parlamentari. L-Oppożizzjoni qed tipproponi li tiżdied il-lista ta’ 15-il persuna li jkunu skrutinizzati għal madwar 30 persuna. Dan hu wkoll prinċipju kruċjali biex jintlaħaq qbil dwar din il-liġi.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni tinsisti li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali għandhom jgħaddu minn skrutinju parlamentati. Hu appella li għandhom jiddaħħlu kemm jista jkun entitajiet pubbliċi biex isir l-iskrutinju fil-parlament biex jinqata’ d-diżgwid dwar l-istituzzjonijiet.

Il-Ministru Bonnici qal li ma tagħmilx sens li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jinħatru biż-żewġ terzi tal-parlament.

Il-kumitat kien sopsiż sakemm isiru d-diskussjonijiet bjen il-Gvern u l-Oppożizzjoni.