Matul din il-ġimgħa l-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Toni Bezzina kompla jniedi aktar proposti li ser ikun qed jimplimenta kemm-il darba jkun elett fit-18 ta’ Novembru.
Bezzina stqarr li l-Partit kellu bżonn ikun aktar influenti fis-soċjetà billi jkun preżenti man-nies u mhux biss jisma’ iżda jagħti widen u jieħu nota ta’ dak li kien hemm bżonn. Dan biex il-vuċi u l-aspirazzjonijiet tal-poplu jkunu l-bażi tal-ħidma ta’ gvern ġdid Nazzjonalista.
Bezzina sostna li l-investiment neċessarju fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista kellu jkun prijorità biex filwaqt illi dawn ikollhom ir-riżorsi neċessarji biex joperaw, jattiraw lejhom aktar nies u jsiru ċentri ta’ attività politika, soċjali u kulturali.
Kien hemm ukoll bosta persuni li fil-passat kienu involuti fil-Partit u li kienu jagħtu l-kontribut tagħhom. B’hekk għandhom jinħolqu working groups li bihom dawn il-persuni jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom favur il-politika tal-Partit Nazzjonalista.
“Kandidati, Kunsilliera u Deputati tal-Partit Nazzjonalista jridu jżidu l-preżenza tagħhom fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż b’mod speċjali fid-djar tal-elettorat u fil-każin kemm tal-Partit kif ukoll każini soċjali oħra.” kompla jgħid il-Perit Toni Bezzina.
F’aktar laqgħat li qed ikollu, il-Perit Toni Bezzina kompla jisħaq li l-Partit Nazzjonalista kellu jagħti spazju għall-ideat tas-soċjetà ċivili, b’mod sepċjali dawk il-unions li jirrappreżentaw il-ħaddiema u l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw professjonisti u imprendituri. Waqt laqgħa mal-board tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM voice of the workers) huwa nsista li dawn l-entitajiet kellhom irwol importanti fit-tfassil tal-politika aġġornata tal-Partit. Bezzina stieden lis-soċjetà ċivili tilqa’ għal din l-istedina li huwa kien ser ikun qed jagħmlilhom biex tassew ikun hemm widen għat-talbiet tagħhom u tisħiħ tas-setturi li huma jirrappreżentaw.
//= $special ?>

