Lokali Qorti

19-il sena ħabs u multa ta’ €35,000 fuq traffikar ta’ 15kg ta’ droga kokaina

Koppja Belġjana intbagħtet 19-il sena Ħabs u mmultata €35,000 wara li nstabu ħatja ta’ importazzjoni u traffikar ta’ 15-il kilogramma ta’ droga kokaina.

Carine Donckers ta’ 51 sena u Johnny Jos Haest ta’ 46 sena ammettew flok għaddew ġuri li f’Ġunju ta’ din is-sena, kienu importaw kważi għaxar kilogrammi ta’ droga kokaina bil-ħsieb li d-droga tkun traffikata fis-suq Malti. Id-droga kellha purita’ ta’ 55%.

Minbarra għal dan l-ammont ta’ droga li kien inqabad mill-Pulizija hekk kif waslet minn Sqallija, Donckers u Haest ammettew ukoll għal importazzjoni u traffikar ta’ ħames kilogrammi droga kokaina li seħħet f’April ta’ din is-sena li iżda, ma kienitx interċettata mill-pulizija u konsegwentement, dik id-droga spiċċat fis-suq Malti.

Il-koppja kienet se tagħmel gwadann ta’ €20,000 għal dawn iż-żewġ konsenji.

L-Arrest kien il-milja ta’ 10 xhur ta’ ħidma u osservazzjoni min-naħa tal-pulizija u li wasslet għall-arrest ta’ żewġt irġiel Maltin li qed jgħaddu minn proċeduri separati.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qalet li ma tistax tinjora li l-fatt li f’żewġ okkażjonijiet differenti, l-akkużati qablu li jdaħħlu ammonti kbar ta’ droga f’Malta bi ħsara kbira lis-soċjeta’ Maltija, b’mod partikolari iż-żagħżagħ.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti innotat l-ammissjoni tagħhom fi stadju bikri u li assistew lill-pulizija fl-arrest u l-prosekuzzjoni ta’ persuni oħra involuti f’dan iċ-ċirku ta’ importazzjoni u traffikar tad-droga u għaldaqstant, m’għandhomx jingħataw il-piena massima ta’ għomor il-ħabs.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti ikkundannat lil Carine Donckers u Johnny Haest għal 19-il sena ħabs kull wieħed u mmultati €35,000 li jiġu ikkonvertiti f’sena ħabs miżjuda jekk il-multa ma titħallasx. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ kwalunkwe propjeta’ li jista’ jkun hemm f’isem il-ħatja u l-qerda tad-droga maqbuda.