Bejn April u Ottubru għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) mal-4,249,321 passiġġier. Dan ifisser żieda ta’ iktar minn 600,000 passiġġier jew 17% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Fi stqarrija, l-MIA attribwixxa ż-żieda għat-titjib fl-iskeda tat-titjiriet u għal iktar postijiet disponibbli fuq ir-rotot minn u lejn Malta. Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg qal li s-sajf li għadda kien impenjattiv għall-ajruport, bil-preżenza ta’ iktar minn 4 miljun passiġġier.
L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu r-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Ir-Renju Unit, li kiber b’9.6% fuq is-sena li għaddiet, kien responsabbli għal 1,025,055 passiġġier, jiġifieri kważi kwart tat-traffiku totali tal-ajruport għas-sajf. L-erba’ swieq l-oħra kollha rreġistraw tkabbir b’żewġ ċifri li kien bejn 14.0% u 32.5%, biż-żieda ta’ Spanja tkun l-aktar waħda.
It-traffiku mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fix-xahar ta’ Ottubru kiber bi 15.4% biex b’hekk laħaq il-596,648 passiġġier, bi tkabbir parallel ta’ 14.7% fil-movimenti tal-ajruplani u 16.4% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.
Mill-bidu tas-sena, għaddew mill-ajruport aktar minn 5.2 miljun passiġġier. Żied jgħid li l-attenzjoni issa se tkun fuq l-iskeda tax-xitwa li tikkonsisti f’66 destinazzjoni, li minnhom 5 huma ġodda.
//= $special ?>