Sport Waterpolo

Dino Zammit iġedded il-kuntratt ma’ San Ġiljan sal-2023

Dino Zammit ingħaqad ma' San Ġiljan fl-2014

Dino Zammit assigura ruħu li se jkompli l-karriera tiegħu ma’ San Ġiljan wara li ffirma kuntratt maċ-champions lokali sal-2023. Il-plejer internazzjonali Malti kien beda l-karriera ma’ Sirens fejn kien kiseb post regolari mat-tim minn San Pawl il-Baħar minkejja l-età tiegħu. Fl-2013 hu ngħaqad ma’ San Ġiljan għal somma konsiderevoli, u ħalla impatt, b’San Ġiljan jersqu viċin ir-rebħ tal-kampjonat fl-2014.

Iżda fl-2015, Zammit daq l-ewwel suċċess lokali meta għen lil San Ġiljan jirbħu d-double bir-rebħ tal-kampjonat u n-knock-out, filwaqt li s-sena l-oħra, rebaħ il-Kampjonat tax-xitwa, it-Tazza tal-President u n-knock-out. Matul dan iż-żmien, Dino Zammit kiseb post regolari fit-tim nazzjonali Malti u kien parti mit-tim li pparteċipa fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew f’Belgrad.

Fl-istaġun li għadda, Dino Zammit kellu esperjenza importanti barra minn xtutna meta lagħab mal-klabb Serb ta’ Vojvodina. Dan wassal biex Zammit għamel titjib u meta reġa’ lagħab ma’ San Ġiljan wara li spiċċalu l-istaġun fis-Serbja, kompla jafferma ruħu bħala pedina importanti.

Dino Zammit kellu 2017 brillanti fejn flimkien ma’ sħabu kiseb l-erba’ unuri għad-dispożizzjoni tagħhom jiġifieri l-Kampjonat tax-xitwa, it-Tazza tal-President, il-Kampjonat tas-sajf u n-knock-out b’mod dominanti. Fil-25 logħba li San Ġiljan rebħuhom kollha, Dino Zammit skorja total ta’ 51 gowl u spiċċa bħala l-aqwa skorer Malti tal-klabb.

F’kumment li ta lil dan is-sit, il-President ta’ San Ġiljan Daniel Aquilina tkellem dwar il-kuntentizza tiegħu li wara staġun mimli rekords li se jibqgħu fl-istorja tal-waterpolo Malti, il-klabb irnexxielu jikkonferma tliet pedini fundamentali għal preżent u l-futur tal-klabb, b’referenza għal Ben Plumpton, Andreas Galea u l-istess Dino Zammit li kollha ffirmaw sal-2023.

Aquilina qal li dawn il-plejers kienu attiraw interess qawwi ta’ klabb rivali tagħhom, iżda saħaq li l-plejers baqgħu leali lejn il-klabb Ġiljaniż. Il-President sostna li flimkien ma’ sħabhom l-oħra fl-iskwadra, jinsabu konċentrati biex jibqgħu magħqudin u jġibu aktar unuri lejn il-klabb.

Dan is-sit għamel kuntatt ukoll ma’ Dino Zammit li tenna l-kuntentizza tiegħu li reġa’ ffirma ma’ San Ġiljan. Hu qal li l-Ġiljaniżi huma l-klabb li emmnu kif ukoll investew fih meta akkwistawh. “L-għan tiegħi hu li nkompli nirbaħ l-unuri u ngħin lill-klabb jintroduċi aktar żgħażagħ tiegħu fit-tim,” qal Dino Zammit.