L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA qed tipproponi li jsir studju dwar l-isfidi demografiċi tal-pajjiż dan fid-dawl tal-influss qawwi ta’ barranin jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet d-Direttur Ġenerali tal-MEA, Joe Farrugia ppreżenta position paper li ħejjew bħala assoċjazzjoni. Fiha huma qed jiproġettaw li jkun hemm aktar tibdiliet imma għal dawn it-tibdiliet għandu jkun hemm pjanar.
Waqt l-ispjega ssemma’ kif fl-aħħar snin kien hemm tibdil li forsi ma konnix naħsbu li se naslu għalih fosthom iż-żieda ta’ ħaddiema barranin, aktar nisa fis-suq tax-xogħol, żieda fil-kiminalita’ l-aktar mill-barranin, l-immigrazzjoni llegali, popolazzjoni li aktar ma jmur aktar qed tixjieħ u ħafna żgħażagħ jitilqu mill-pajjiż fost tibdil ieħor.
Joe Farrugia qal li l-istudju li jrid isir irid jilħaq numru ta’ objettivi fosthom li nantiċipaw l-effett jekk il-popolazzjoni tiżdiet għal madwar 750,000 elf. Infasslu politika f’każ li l-popolazzjoni tiżdied f’daqqa u nanalizzaw s-sostenibilita’ tal-pajjiż jekk il-popolazzjoni tiżdied f’daqqa.
Matul il-preżentazzjoni ngħad li rridu nħarsu lejn l-impatt kulturali u soċjali, dak politiku eżempju x’tip ta’ liġijiet jibda japprova l-parlament, l-impatt ambjentali eżempju l-ammont ta’ karozzi fit-toroq, l-ammont ta’ spazji miftuħa, l-ammont ta’ skart iġġenerat, hemm imbgħad l-aspett infrastrutturali fejn ikun hemm impatt fuq il-konsum tal-ilma u l-enerġija, s-servizz tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-infrastruttura tat-toroq fost oqsma oħra li fuqhom ikun hemm impatt.
Fil-position paper tagħha l-MEA qed tirrakkomanda li biex isir dan l-istudju għandha ssir laqgħa mill-MCESD biex tkun diskussa propju din il-white paper. Ikun stabbilit kumitat bis-sehem tal-Universita’ ta’ Malta biex issir ir-riċerka u jitħares il-proċess tal-istudju u tkun organizzata konferenza nazzjonali li tinvolvi l-istakeholders biex jippre’entaw ir-riċerki tagħhom. Dan naturalment qalet l-MEA , irid isir bis-sehem tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet wara l-konferenza tal-aħbarijiet ingħad mill-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min Iħaddem li pajjiżna għad jasal f’punt fejn is-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna se jilħqu l-massimu tagħhom u rridu naraw fejn se morru min hemm. Hawn l-MEA ammettiet li hemm bżonn pjan għal pajjiż sens ta’ strateġija fit-tul.
//= $special ?>
