Persuni ta’ ċittadinanza Rumena qed ikomplu jkunu ta’ wġigħ ta’ ras għall-Pulizija Maltija minħabba li qed ikomplu jagħmlu ħilithom kollha biex jisirqu mhux biss minn zoni turistiċi, imma issa saħansitra mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Matul l-aħħar xhur mhux biss qed tkun reġistrata żieda fis-serq f’diversi lokalitajiet u f’diversi każijiet qed jinstab li l-moħħ wara dawn ir-reati huma ċrieki ta’ kriminalità Rumena organizzata, iżda l-aktar każ reċenti kien dak ta’ serq minn ħwienet fl-Ajruport Malti.
Il-ġurnal in-Nazzjon żvela li nhar it-Tnejn waranofsinhar żewġt irġiel Rumeni li kienu qed jistennew biex jimbarkaw it-titjira tagħhom lil hinn minn Malta, waslu kmieni fl-Ajruport u wara li għaddew mis-soliti proċeduri tas-sigurtà u telgħu fis-sular ta’ fuq biex jimbarkaw.
Waqt il-ħin li dawn iż-żewġt irġiel damu jistennew titħabbar it-titjira li kellhom jaqbdu, għaddew il-ħin iduru l-ħwienet li hemm fis-sala tat-tluq tal-passiġġieri u bdew jisirqu oġġetti ta’ preġju u li jiswew ħafna flus minħabba li huma oġġetti tad-ditta.
Fost l-oġġetti misruqa minn dawn iż-żewġ irġiel kien hemm prodotti kożmetiċi, xi ġojjellerija xi aċċessorji tal-ilbies… ilkoll ta’ ditti magħrufa.
Jirriżulta li xi ħadd għokritu għajnu b’dak li kien qed jiġri wara li ntebaħ li wieħed mill-irġiel kien daħħal xi oġġetti fil-basket li kien qiegħed iġorru. Fortunatament jidher li kien hemm min innota komunikazzjoni bejn iż-żewġt irġiel.
Kien hawnhekk li ssejħet is-Sigurtà tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li talbet liż-żewġt irġiel biex jgħinu fl-ewwel investigazzjonijiet minħabba li kien suspettat li huma kienu qed jisirqu oġġetti minn ħanut partikulari.
Fil-post issejħu wkoll il-Pulizija tal-Ajruport u wara tiftix li sar fil-bagalji li kienu qed iġorru ż-żewġ Rumeni, instabu diversi oġġetti li rriżulta li kienu lkoll misruqa mill-istess sala tat-tluq tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Dan wassal biex iż-żewġt irġiel ikunu arrestati minnufih biex jgħinu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija. Huma ngħataw f’idejn il-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali biex ikomplu jgħinu fl-istħarriġ.
Fil-fatt iż-żewġ Rumeni mhux biss ma tħallewx jipproċedu bit-titjira li kellhom jaqbdu, iżda ttieħdu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana fejn instab li b’kollox kellhom tliet bagalji fil-pussess tagħhom u li fihom kien hemm volum ta’ oġġetti ġodda fjamanti u tad-ditta li kienu lkoll misruqa mill-Ajruport. Il-valur tal-oġġetti misruqa jaqbeż il-€5,000.
Sadattant matul il-ġurnata tal-bieraħ il-Pulizija kompliet bl-istħarriġ tagħha dwar dan il-każ u kienet qed tistabbilixxi x’kuntatti dawn iż-żewġt irġiel Rumeni għandhom fil-gżejjer Maltin.
Dan wassal biex kmieni waranofsinhar il-Pulizija ikkonkludiet l-investigazzjonijiet tagħha dwar dan is-serq u ż-żewġ Rumeni – Andrei Danica ta’ 45 sena u Marius Nicuta ta’ 41 sena – tressqu l-Qorti ffaċċjati b’għadd ta’ akkużi serji. Huma nstabu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u weħlu tlettax-il xahar priġunerija kull wieħed. Dan wara li huma ammettew l-akkużi miġjuba kontra tagħhom mill-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, iż-żewġ Rumeni ġew mixlija bis-serqa inkwistjoni, filwaqt li Andrei Danica waħdu ġie mixli li seraq battery pack mill-Ajruport.
Mistoqsija x’se jwieġbu għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom, l-akkużati wieġbu li huma ħatja, bil-Qorti tikkundannahom piena ta’ tlettax-il xahar priġunerija kull wieħed.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Louise Calleja filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valenzia deher għaż-żewġ Rumeni.
Hu stat ta’ fatt li fl-aħħar xhur kibru ċrieki ta’ kriminalità organizzata Rumeni li jimmiraw ċerti lokalitajiet biex imbagħad jagħmlu sensiela ta’ serqiet minnhom, fosthom serqiet ta’ pick-pocketing.
F’ċerti każi l-istess adulti Rumeni li jiġu apposta Malta għal skop ta’ serq, jużaw ukoll tfal żgħar.
//= $special ?>