Lokali

Ħruġ ta’ Ishma bi Dritt ta’ 105 miljun sehem ġdid mill-BOV

Il-Bank of Valletta se jżid il-kapital azzjonarju tiegħu permezz ta’ ħruġ ta’ ishma bi dritt ta’ 105 miljun sehem ġdid. Dan se jkun fuq il-bażi ta’ proporzjoni ta’ sehem ordinarju ġdid għal kull erba’ ishma ordinarji miżmuma bil-prezz tal-offerta ta’ €1.43 għal kull sehem ordinarju ġdid.

Il-kategoriji kollha tal-investituri jistgħu japplikaw għall-ishma l-ġodda matul il-perjodu tal-offerta, bejn it-8 ta’ Novembru 2017 u s-6 ta’ Diċembru 2017, fil-fergħat tal-BOV u għand intermedjarji finanzjarji awtorizzati oħra.

Il-BOV mhux se jkun qed jagħti pariri dwar l-investimenti jew servizzi ta’ mmaniġġjar diskrezzjonarju tal-investimenti fir-rigward tal-ishma ordinarji l-ġodda imma se jkun qed jaċċetta l-formoli mingħand l-investituri fuq bażi ta’ ‘eżekuzzjoni biss’.

Aktar informazzjoni dwar l-ishma l-ġodda tista’ tinkiseb mill-Prospett, li kopji tiegħu huma disponibbli matul il-ħinijiet tal-uffiċċju, mill-fergħat tal-BOV u mingħand intermedjarji finanzjarji awtorizzati oħra. Il-Prospett jista’ jitniżżel ukoll mill-websajt tal-BOV: www.bov.com.

Il-valur tal-investimenti jista’ jiżdied kif ukoll jonqos u l-passat mhux garanzija tal-futur. L-investituri prospettivi huma mħeġġa jaqraw il-Prospett b’referenza partikolari għat-taqsimiet bit-titolu “Risk Factors” li jinsabu f’dan id-dokument. L-investituri prospettivi għandhom ifittxu parir finanzjarju indipendenti qabel jiddeċiedu li jinvestu fl-ishma l-ġodda. Il-BOV huwa liċenzjat mill-MFSA.