Lokali

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jivvota kontra żvilupp ta’ €40 miljun minn Farsons

Il-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ivvota kontra proġett ta’ €40 miljun għall-iżvilupp ta’ business park minn Farsons fl-istess post fejn bħalissa diġà hemm il-fabbrika ta’ Farsons.

Il-kumpanija Farsons kienet qed tippjana li tibni business park fi Triq l-Imdina li jinkludi uffiċini ta’ kwalità għolja, spazji miftuħa u ħafna spazji għall-parkeġġ.

L-iżvilupp ta’ €40 miljun kellu jikkumplimenta r-rijabilitazzjoni tal-birrerija l-antika waqt li jitranġa u jiġi kkonvertit l-ispazju industrijali biex ikun jinkludi wkoll numru ta’ faċilitajiet, fosthom ħwienet tal-ikel u uffiċini.

Il-kumpanija Simonds Farsons Cisk qalet li l-bord tad-diretturi se tkun qed tiltaqa’ fis-siegħat li ġejjin biex tiddeċiedi t-triq ‘il quddiem wara dik li l-kumpanija ddeskriviet bħala “deċiżjoni mhux mistennija” mill-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Sadanittant, skont rapporti oħra fil-media lokali, l-Awtorità tal-Ippjanar ċaħdet li vvutat kontra l-proġett u qalet li kull ma għamlet kien li pposponiet il-vot, fejn xorta jirriżulta li aktarx se jkun hemm vot kontra.

Waqt li l-Awtorità tal-Ippjanar ivvutat kontra l-proġett minn Farsons, jew se tkun qed tivvota kontra fil-futur qarib, fix-xhur li għaddew ingħataw permessi biex fl-Imrieħel jinbnew erba’ torrijiet.