Lokali Qorti

“Il-Mument” tingħata raġun – miċħud il-libell tal-eks Sindku Laburista Mario Salerno

Il-Qorti osservat ukoll li l-proġett kien wieħed relatat mal-immaniġġjar tal-kosta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ma għandu l-ebda parti mill-konfini tiegħu mal-kosta tal-baħar u “għalhekk huwa diffiċli jimmaġina x’tip ta’ benefiċċju seta qatt jieħu minn dan il-proġett il-Kunsill lokali u ċ-ċittadini ta’ Ħal Kirkop.”

“Il-ġurnaliżmu serju u investigattiv huwa importanti ħafna għal soċjeta’ demokratika bħalma hija dik Maltija … għax il-poplu għandu d-dritt ikun jaf dak li jkunu qed jagħmlu persuni illi jgħidu li qed jaġixxu fl-interess taċ-ċittadin iżda qed jistagħnew huma minn fuq dahar iċ-ċittadin taħt il-pretest li qed jaġixxu fl-interess tal-poplu.”

Sostniet dan il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale li fis-sentenza tagħha ċaħdet il-kawża ta’ libell tal-eks Sindku Laburista Mario Salerno fil-konfront tal-editur tal-gazzetta “Il-Mument” Roderick Agius u l-ġurnalist Charles Muscat u tat raġun lill-gazzetta ta’ nhar ta’ Ħadd wara li sabet li l-fatti fl-istorja kienu korretti.

Il-każ imur lura għal Marzu 2014 meta l-gazzetta Il-Mument ippubblikat storja dwar l-involviment tal-eks Sindku Laburista ta’ San Pawl il-Baħar f’irregolaritajiet fi proġett imħallas minn fondi Ewropej meta hu kien jokkupa l-kariga ta’ Sindku ta’ Ħal Kirkop.

Il-Mument kien irrapporta kif bejn l-2008 u l-2012, Mario Salerno u Ranier Busuttil, rispettivament bħala Sindku u Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop kienu f’kuntatti ma’ kumpanija Ċiprijotta li tispeċjalizza f’konsulenzi dwar immaniġġjar tal-kosta sabiex jieħdu sehem fi proġett li kien iffinanzjat mill-programm Leonardo da Vinci tal-Unjoni Ewropea.

Madanakollu, irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop kien informat għall-ewwel darba dwar dan il-proġett f’Marzu tal-2010. Salerno u Busuttil ħatru lilhom infushom “riċerkatur” u “manager” tal-proġett. Mario Salerno tħallas kważi €13,000 mill-Kunsill Lokali stess li kien qed jirċievi fondi għal dan il-proġett.

Il-Qorti qalet li ħareġ ċar mill-korrispondenza li Salerno kien involut fil-proġett kollu minn qabel ma ġie ikkonċepit, tant li kienet il-kumpannija Ċiprijotta li kkomunikat miegħu biex tara jekk hux interessat fil-proġett u kien hu li ppropona li jdaħħal il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, li mingħajru, il-proġett ma kienx jara d-dawl tax-xemx.

Il-Qorti osservat ukoll li l-proġett kien wieħed relatat mal-immaniġġjar tal-kosta u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ma għandu l-ebda parti mill-konfini tiegħu mal-kosta tal-baħar u “għalhekk huwa diffiċli jimmaġina x’tip ta’ benefiċċju seta qatt jieħu minn dan il-proġett il-Kunsill lokali u ċ-ċittadini ta’ Ħal Kirkop.”

Il-Qorti irreferiet ukoll li fil-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, l-eks Sindku Mario Salerno kien iġġustifika l-proġett billi qal li “l-poplu Malti ibbenefika bil-kbir”. Iżda l-Qorti ma tistax ma tosservax li “ibbenefikaw ferm iktar ir-rikorrenti u l-persuni li qabbad miegħu, milli ċ-ċittadini ta’ Ħal Kirkop li eleġġewh biex jaġixxi fl-aħjar interess tagħhom.”

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Mario Salerno u ordnatu jħallas l-ispejjeż tal-kawża.

L-Avukat Peter Fenech deher għal Roderick Agius u Charles Muscat filwaqt li Mario Salerno kien assistit mill-Avukat John Bonello.