L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nediet il-pubblikazzjoni ‘2018 Calendar of Events for the Maltese Islands’ għar-raba’ sena konsekuttiva. Il-kalendarju ta’ 88 paġna huwa mgħamul minn attivitajiet li se jseħħu s-sena d-dieħla f’Malta u Għawdex.
L-edizzjoni ta’ din is-sena tiffoka fuq il-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea għall-Kultura. Il-programm imħejji minn Valletta 2018 jikkonsisti f’avvenimenti u proġetti li qed ikunu żviluppati ma’ artisti Maltin u barranin.
It-‘2018 Calendar of Events for the Maltese Islands’ jelenka avvenimenti li jistgħu jkunu ta’ interess kemm għat-turisti kif ukoll għall-Maltin, inkluż attivtajiet mużikali, folkloristiċi, sportivi u riproduzzjonijiet ta’ ġrajjiet storiċi.
Punti ewlenin li wieħed għandu jistenna s-sena d-dieħla jinkludu appuntamenti annwali, bħall-festival internazzjonali tal-mużika barokka li jsir fil-Belt Valletta f’Jannar, il-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar li jsir f’April fil-Floriana, l-Isle of MTV Malta Special li jsir f’Ġunju fil-Floriana wkoll u n- Notte Bianca li ssir f’Ottubru.
Il-kalendarju jinkludi wkoll indiċi tal-festi kollha madwar il-gżejjer Maltin u Għawdxin. Apparti l-appuntamenti annwali, il-kalendarju fih ukoll numru ta’ attivitajiet li se jsiru għall-ewwel darba hawn Malta, bħall-Malta HOG Mediterranean Run għalmin iħobb il-muturi, li se ssir f’Ġunju.
Paul Bugeja, CEO tal-MTA, qal li l-verżjoni stampata tal-kalendarju sservi bħala turija ta’ dak kollu li se jiġri f’Malta s-sena d-dieħla. Żied jgħid li n-nurmu ta’ avvenimenti li ġraw hawn Malta u li kienu mniżżla f’din il-pubblikazzjoni popolari żdied minn sena għal sena suċċessivament, u dan huwa indikattiv ta’ kemm issir ħidma minn dawk kollha kkonċernati. Huwa qal li din il-kordinazzjoni qed tikkontribwixxi għal titjib fil-profil ta’ Malta bħala destinazzjoni denja għall-ivjaġġar f’kull staġun tas-sena.
//= $special ?>