Internazzjonali

Kevin Spacey ‘eliminat’ minn produzzjoni ta’ Hollywood

 

L-attur famuż Amerikan, Kevin Spacey, spiċċa eliminat minn film ġdid tad-direttur Ridley Scott li għadu kemm inġibed u li se joħroġ għall-wiri fis-swali taċ-ċinema fit-22 ta’ Diċembru.

Il-pass drastiku ttieħed fost l-allegazzjonijiet dwar l-imġiba ħażina konsistenti mill-attur li qed jingħad li aggredixxa u ta fastidju lil numru ta’ persuni għal skop sesswali.

Intant, ir-rwol ta’ Spacey fil-film ġdid All the Money in the World se jkun interpretat mill-attur veteran, Christopher Plummer, waqt li x-xeni  tiegħu partikulari se jinġibdu mill-ġdid. It-taqliba mhix mistennija taffettwa d-data għall-ħruġ tal-film li jittratta l-istorja vera dwar il-ħtif tan-neputi tas-sinjurun Amerikan John Paul Getty li kien seħħ fl-1973.

Uħud mill-akkużi kontra Spacey, li bħala attur rebaħ l-Oscar fost diversi unuri oħra prestiġjużi, imorru lura għal nofs is-snin sebgħin, bl-aħħar fost l-allegati reati qed jingħad li seħħew matul is-sena li għaddiet.

Sadattant, sorsi qrib il-ġurnal Variety qalu li Spacey kien involut f’madwar ġimagħtejn xogħol fuq il-produzzjoni ta’ Scott u kien hemm ħafna xeni fil-film fejn hu kien l-uniku attur fuq l-iskrin. L-atturi Mark Wahlberg u Michelle Williams, li huma protagonisti f’dan il-film, ukoll se jkunu involuti fir-reshooting ta’ All The Money In The World.

Filwaqt li Kevin Spacey deher fit-trailer għall-film li kien ħareġ f’Settembru, din il-produzzjoni, issa, ġiet irtirata mill-festival annwali tal-American Film Institute (AFI) li għandu jsir aktar tard dan ix-xahar, f’Los Angeles.