Sport Sport Ieħor

Kollox lest għall-BOV Gozo Regatta

15-il dgħajsa rreġistraw għal tmiem il-ġimgħa ferm mistenni ta’ tlielaq tal-BOV Gozo Regatta.

Din hija l-ewwel tellieqa wara r-Rolex Middle Sea Race fejn l-ekwipaġġi għal darb’oħra se jkunu fuq il-baħar f’avveniment li jinkludi bħala parti integrali minnu numru ta’ avvenimenti soċjali li jinvolvu flimkien lill-ekwipaġġi, il-familji u l-ħbieb tagħhom biex jaqsmu esperjenzi ta’ tlielaq f’atmosfera rilassata.
L-ekwipaġġi se jtellqu mill-Port il-Kbir sa’ Għawdex nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru b’numru ta’ tlielaq kostali f’Għawdex nhar is-Sibt u tellieqa lura lejn Malta nhar il-Ħadd.

Kif inhi d-drawwa ta’ kull sena, il-kaptani tad-dgħajjes iltaqgħu għal-laqgħa ta’ informazzjoni dwar it-tellieqa u kienu indirizzati mill-Komodor tar-RMYC Godwin Zammit, id-direttur tat-tellieqa Peter Dimech u Charles Azzopardi, Kap Eżekuttiv tal-PR u l-Marketing fil-Bank of Valletta.

“L-ispirtu sportiv dejjem kien il-marka li tikkaratterizza l-BOV Gozo Regatta’ qal il-Komodor tar-RMYC. ‘Filwaqt li l-ekwipaġġi jużaw il-ħiliet kollha tagħhom biex jieħdu l-aqwa mid-dgħajjes tagħhom waqt li jkunu fuq il-baħar, huwa komuni li tarahom jitħalltu flimkien fil-pranzu ta’ wara t-tellieqa jew fuq il-moll kemm qabel kif ukoll wara t-tlielaq.”

“Aħna ninsabu kuntenti li qed naraw numru sabiħ ta’ parteċipanti li jinkludi wkoll ir-rebbieħa ta’ edizzjonijiet preċedenti ta’ din it-tellieqa” qal Charles Azzopardi.

“Il-BOV Gozo Regatta issa hija stabbilita sew fil-kalendarju tat-tlielaq tar-RMYC u bħala sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi lokali, il-Bank of Valletta qed jieħu din l-opportunità biex jawgura l-aqwa kundizzjonijiet tat-tbaħħir għat-tellieqa.”

Din it-tellieqa hija miftuħa għad-dgħajjes bi klassifikazzjoni IRC f’diviżjoni ta’ tlielaq u tbaħħir. Il-Klassi tat-Tbaħħir tar-RMYC hija disponibbli wkoll għal dgħajjes mhux bi klassifikazzjoni IRC, imma bi klassifikazzjoni speċjali mogħtija mill-kumitat tat-tellieqa.

Aktar informazzjoni dwar il-BOV Gozo Regatta tista’ tinkiseb minn fuq il-websajt: www.rmyc.org.