#muscatgate Lokali

L-MEP David Casa jgħaddi r-rapporti tal-FIAU lill-Kummissjoni Ewropea

...Flimkien ma' talba biex Pilatus Bank jitwaqqaf milli jabbuża lill-media Maltija li qed tikxef il-ħasil ta' flus. Ir-rapporti, li dwarhom ma sar xejn, juru li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Keith Schembri

L-MEP David Casa ħabbar li għadda r-rapporti tal-FIAU lill-Kummissjoni Ewropea, liema rapporti kienu sabu li għandhom jittieħdu passi kriminali kontra Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ir-rapporti tal-FIAU kienu nżammew fuq l-ixkaffa kemm mill-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll mill-Avukat Ġenerali, tant li sal-lum qatt ma ttieħdu passi kriminali kontra Keith Schembri.

Ir-rapporti jinvestigaw il-mod kif allegatament, Keith Schembri rċieva flus mill-bejgħ tal-passaporti. Skont ir-rapporti tal-FIAU, il-commissions mill-bejgħ tal-passaporti kienu qed jgħaddu mingħand BT International għal ġol-kumpanija sigrieta ‘Willerby Trade’ (kumpanija sigrieta ta’ Brian Tonna fil-British Virgin Islands). Minn hawnekk, il-flus kienu jgħaddu f’kont bankarju f’isem Keith Schembri.

F’post fuq Facebook, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li meta l-istituzzjonijiet ifallu, jiġi fuq kulħadd obbligu morali li jassigura li ssir ġustizzja. Żied jgħid li kien għalhekk li għadda r-rapporti tal-FIAU lill-Kummissjoni Ewropea.

L-MEP David Casa għadda r-rapporti lill-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ ittra li fiha talab lill-Kummissjoni biex Pilatus Bank jitwaqqaf milli jabbuża mill-media Maltija billi jheddidhom b’libelli u azzjonijiet legali bl-iskop li joħnoq il-libertà tagħhom li jinvestigaw u li jikxfu l-ħasil tal-flus.

Fl-ittra lill-Kummissjoni Ewropea, David Casa qal li skont rapport ieħor tal-FIAU, instab li Pilatus Bank jintuża ħafna minn ‘Politically Exposed Persons’ mill-Ażerbajġan bl-iskop li jaħslu l-flus.

L-MEP David Casa

Ara l-ittra li ntbgħatet lill-Kummissjoni Ewropea hawn taħt:

Id-dokument sħiħ tal-FIAU li kien sab li hemm suspett ta’ ħasil ta’ flus minn Keith Schembri bl-użu ta’ Pilatus Bank:

DOKUMENT A: RAPPORT FIAU: KORRUZZJONI KEITH SCHEMBRI, BEJGĦ TAL-PASSAPORTI