L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tivvota favur l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Vjolenza Domestika, filwaqt li se tkun qed tinsisti biex dan l-Abbozz jissaħħaħ ħalli l-vittmi jingħataw aktar protezzjoni. Barra minhekk, l-agressuri jingħataw l-għajnuna meħtieġa b’pieni li jirriflettu l-gravità tal-vjolenza u l-Pulizija flimkien mal-Professjonisti jingħataw it-taħriġ.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-kontenut ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu jwassal biex jissaħħu l-istituzzjonijiet li jiġġieldu l-vjolenza domestika f’pajjiżna. Sfortunatament, f’pajjiżna, il-każijiet ta’ vjolenza domestika mhux eċċezzjoni u dawn ivarjaw minn każijiet li jibqgħu moħbija għal oħrajn li jiddominaw il-mezzi tax-xandir.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li biex is-soċjetà tindirizza direttament il-pjaga tal-vjolenza domestika, il-ħidma trid tibda’ mill-età l-aktar żgħira. Min jitrabba f’soċjetà li tippermetti l-vjolenza u l-imminar tal-istituzzjonijiet, se jikber b’mentalità ta’ xejn mhu xejn u li kollox jgħaddi.
L-Oppożizzjoni ma tridx din it-tip ta’ soċjetà f’pajjiżna u għalhekk se tkun qed tassigura, fil-Parlament u barra, biex f’pajjiżna jkun hawn l-għarfien kollu ħalli ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin mhux biss ma jkunux parteċipi fi vjolenza domestika, iżda li jaħdmu biex din ma sseħħx.
L-Oppożizzjoni ilha tagħti prijorità lil din il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, partikolarment dik kontra n-nisa u minħabba l-orjentazzjoni sesswali. Fil-fatt, erba’ snin ilu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ressqet Emenda fil-Kostituzzjoni biex ikunu protetti l-persuni li tkun saret diskriminazzjoni kontrihom minħabba l-orjentazzjoni sesswali.
L-istqarrija kkwotat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-Parlament, li wara l-qtil politiku tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia u wara l-ebusija tar-ras mill-Gvern Laburista biex ma jissaħħux l-istituzzjonijiet, għall-Oppożizzjoni s-sitwazzjoni f’pajjiżna mhix ‘business as usual’.
Hu fl-ispirtu li l-Liġi qed issaħħaħ l-istituzzjonijiet li jiġġieldu l-vjolenza domestika, li l-Oppożizzjoni se tkun qed tivvota favur l-Abbozz ta’ Liġi u qed tipparteċipa fid-dibattitu Parlamentari.
//= $special ?>

