Internazzjonali

L-UE: Tamiet fi progress fin-negozjati dwar il-Brexit

 

In-negozjati dwar il-Brexit bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qed ikomplu fi Brussell, meta l-Gvern Britanniku qed jittama fi progress li jwitti t-triq għal taħditiet kummerċjali bejn Londra u l-UE qabel il-Milied.

L-Uffiċjali tan-naħat interessati qed jiltaqgħu għas-sitt round tat-taħditiet, bin-negozjatur ewlieni tal-Unjoni, Michel Barnier, iwissi li ‘jinħtieġ li jsir aktar progress’ dwar l-ewwel fażi tal-proċess.

Intant, ir-Renju Unit qed jittama li jista’ jsir progress biżżejjed dwar l-issues għall-irtirar mill-Unjoni Ewropea; b’mod partikulari fuq l-issue tal-ftehim finanzjarju ma’ Brussell. Dan biex il-Mexxejja tal-UE jaqblu ħalli jgħaddu għall-fażi li jmiss tal-proċess — li tkopri l-kummerċ ma’ Londra u ftehim transitorju sa Diċembru.

Is-Segretarju Britanniku għall-Brexit, David Davis, u Michel Barnier, se jiltaqgħu, għada, wara li l-uffiċjali tagħhom, illum, kienu involuti f’taħditiet preliminarji fi Brussell.

Qabel it-taħditiet, Davis kien żar il-kapitali tal-ibliet Ewropej, f’tentattiv biex ikattar l-appoġġ għall-pożizzjoni tar-Renju Unit qabel is-summit kruċjali għall-Mexxejja tal-UE, li jsir bejn l-14 u l-15 ta’ Diċembru.