Lokali

“Ma tistax tiddiskuti ma’ xi ħadd li qed jibqa’ jwebbes rasu” – in-nisa ta’ ‘Occupy Justice’

In-nisa ta' Occupy Justice jwieġbu għall-kritika li ma ddiskutewx mal-Prim Ministru

“Ma tistax tiddiskuti ma’ xi ħadd li pubblikament irrepeta li mhux se jċedi”.

Qalu dan in-nisa tal-grupp ‘Occupy Justice’ fi stqarrija li fiha wieġbu għall-kritika ta’ numru ta’ apoloġisti Laburisti li kkritikawhom talli wara l-laqgħa tagħhom mal-Prim Ministru, ma baqgħux jiddiskutu.

Fil-laqgħa li kellhom l-Erbgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, sitt rappreżentanti ta’ Occupy Justice wasslu messaġġ favur ir-rule of law, u kontra l-mod kif qed jitmexxew l-affarijiet.

“Ilbieraħ, sitt rappreżentanti ta’ Occupy Justice ltaqgħu mal-Prim Ministru biex iwasslu messaġġ. Le, ma daħlux f’diskussjoni. Ma tistax tiddiskuti ma’ xi ħadd li repetutament u pubblikament qal li mhux se jċedi,” qalu n-nisa fl-istqarrija tagħhom.

Fl-istqarrija tagħhom, in-nisa ta’ Occupy Justice qalu li l-pożizzjoni tagħhom hija sempliċi: L-uffiċjali pubbliċi qegħdin hemm biex iservu u m’humiex allat. Inqatlet ġurnalista u s-saltna tad-dritt tinsab mhedda, u għaldaqstant, l-istqarrija li qraw lill-Prim Ministru għadha tgħodd.

Skont in-nisa ta’ Occupy Justice, fi tmiem il-laqgħa li kellhom l-Erbgħa, il-Prim Ministru wieġeb “il-mazz ilu f’idejja” meta waħda min-nisa qaltlu: “Prim Ministru, il-mazz issa f’idejk”, bl-istqarrija ttemm tistaqsi x’qed jistenna l-Prim Ministru biex jieħu azzjoni.