Lokali Qorti

Patrick Dalli kien għadu propjetarju tas-sit u kien applika biex jissanzjona l-iżvilupp

Patrick Dalli, ir-raġel tal-Ministru Helena Dalli kien għadu jidher bħala l-propjetarju tas-sit u l-applikazzjoni sabiex jiġi sanzjonat żvilupp illegali fil-propjeta’ fiż-Żejtun kienet f’ismu personali.

Sostniet dan il-ġurnalista Caroline Muscat meta xehdet fil-kawża ta’ libell li nfetħet kontriha mir-raġel tal-Ministru Helena Dalli dwar rapporti li dehru fil-gazzetta The Sunday Times of Malta f’Novembru tal-2014 dwar xogħolijiet li kienu qed ikomplu fuq il-propjeta’ tal-konjuġi Dalli bi ksur ta’ avviż ta’ infurzar maħruġ mill-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar. Patrick Dalli kien applika sabiex l-iżvilupp illegali jiġi sanzjonat.

Fil-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, Caroline Muscat qalet li kien wasal ritratt mingħand sors anonimu lill-kamra tal-aħbarijiet ta’ Times of Malta flimkien ma’ nota li tgħid li kienu qed isiru xogħolijiet illegali fuq propjeta’ fiż-Żejtun.

Hi xehdet li kienet waħda minn żewġ ġurnalisti fil-kamra tal-aħbarijiet li kienu jispeċjalizzaw fuq stejjer marbuta ma’ applikazzjonijiet ta’ ippjanar u żvilupp. Caroline Muscat kienet talbet lil kollega tagħha Kurt Sansone, li joqgħod fil-viċinanzi u jgħaddi minn hemm fi triqtu għax-xogħol, biex jikkonferma din l-informazzjoni. Hu fil-fatt kien ikkonferma li kienu għaddejjin ix-xogħolijiet u ħa wkoll xi ritratti.

Caroline Muscat xehdet li fil-proċess biex tikkonferma l-informazzjoni, hi kienet daħlet fid-database tal-MEPA u hemmhekk ikkonfermat li kien hemm avviż ta’ infurzar u li fl-2012, Patrick Dalli applika biex l-iżvilupp jiġi sanzjonat. Hi kkonfermat ukoll li dak iż-żmien, l-applikazzjoni kienet waslet għas-smiegħ u li l-case officer kien irrakkomanda li l-applikazzjoni tkun miċħuda.

Hi kompliet li għal fini ta’ korrettezza kienet għamlet kuntatt ma’ Patrick Dalli sabiex ikun jista’ jagħti il-versjoni tiegħu. F’telefonata qasira, Dalli kien qallha li ma jafx x’inhu għaddej u li kellu konvenju fuq il-post ma’ ċertu Jason Desira. Wara, kien pjuttost ostili u beda jistaqsieha għalfejn dan l-interess f’din l-applikazzjoni partikolari. “Jien assigurajtu li l-proċess li qed insegwi miegħu hu dak li nsegwi ma’ kulħadd. Għedtlu li l-Applikazzjoni kienet f’ismu personali u għalhekk ċempilt lilu. Hu għadu propjetarju tas-sit u lilu ridt inkellem,” qalet Caroline Muscat li qalet li kull kelma li kien hemm fit-telefonat ma’ Patrick Dalli kienet riprodotta fl-artiklu tat-13 ta’ Novembru 2014.

Sadanittant media oħrajn bdew isegwu l-istorja u hi ċemplet lil Jason Desira minħabba li semmieh Patrick Dalli. Caroline Muscat qalet li Desira kien ikkonferma li għaddejjin ċertu xogħolijiet meta hemm avviż ta’ infurzar. “Meta staqsejtu jekk hux qed jitħaffu x-xogħolijiet għax qed toqrob id-data tas-smiegħ, hu kien wieġeb li  ‘hemmhekk mhux se jkolli problemi’”, kompliet ix-xhud.

Hi qalet ukoll li bħala parti mir-riċerka għall-istorja, hi kienet daħlet fir-Reġistru tal-Kumpaniji tal-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji. Caroline Muscat qalet li l-kumpaniji irreġistrati f’isem il-Ministru Helena Dalli jikkorrispondu ma’ dawk imsemmija fid-Dikjarazzjoni tal-Assi li l-Ministru kienet għamlet fil-Parlament. Madanakollu, hi qalet li ma kienx hemm accounts awditjati għal dawn il-kumpanija.

F’Diċembru tal-2014, Patrick Dalli issottometta pjan rivedut. L-applikazzjoni ġiet rifjutata, iżda il-Bord tal-Appelli dawwar id-deċiżjoni u ssanzjona l-iżvilupp.

Il-każ ikompli.

L-Avukat Stefan Frendo qed jassisti lil Caroline Muscat filwaqt li l-Avukat Edward Gatt qed jidher għal Patrick Dalli.