Lokali Qorti

“Qatt ma għamilt kompromessi” – Jason Azzopardi jixhed fil-Qorti

“Gidba faħxija tal-Ministru Owen Bonnici. Jien qatt ma ltqajt ma’ Nazzareno Vassallo biex insibu kompromess.” Dan qalu d-Deputat Jason Azzopardi meta xehed fil-kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici.

Jason Azzopardi fetaħ il-kawża wara li waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista f’Jannar ta’ din is-sena, il-Ministru Owen Bonnici kien allega li hu kellu laqgħa biex isibu kompromess dwar il-fidi taċ-ċens tal-art fejn kien hemm il-birrerija Lowenbrau f’Ħal Qormi meta Jason Azzopardi kien Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Artijiet.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, semgħet lil Jason Azzopardi jgħid li fi Frar 2011 kien ċempillu l-Kummissarju tal-Artijiet Albert Mamo li qallu li għandu bżonn ikellmu urġenti u mhux fuq it-telefon. Siegħa wara Mamo ġie fl-uffiċċju ta’ Jason Azzopardi li qal li kien deher “aġitat ħafna.”

Albert Mamo qal lil Jason Azzopardi li għadu kemm sar jaf li kien sar kuntratt ta’ fidi ta’ ċens “minn wara dahri u minn wara dahrek” u li fih twaqqgħet kundizzjoni li kien hemm fil-kuntratt oriġinali. Jason Azzopardi xehed li Albert Mamo qal li dak il-kuntratt sar meta hu (Mamo) kien bis-sick leave u sar jaf bih ftit tal-mumenti qabel it-telefonata.

Il-kuntratt kien wieħed ta’ ċens perpetwu li kien iffirmat fl-1990 mill-Ministru ta’ dak iż-żmien John Dalli. Il-kundizzjoni f’dan il-kuntratt ta’ ċens u li tneħħiet fil-kuntratt ta’ fidi kienet li l-art tintuża biex issir birrerija.

“Immedjatament, fil-preżenza ta’ Albert Mamo, ċempilt lill-Avukat Ġenerali Peter Grech u nformajtu dwar il-każ. Għedtlu biex ikellem lil Albert Mamo u tajtu struzzjonijiet biex jieħu l-passi kollha possibbli, jekk hemm bżonn anki li jitħassar il-kuntratt,” xehed Jason Azzopardi.

Hu kompla li wara dik il-laqgħa saret laqgħa oħra fil-Ministeru (is-Segretarjat tal-Artijiet dak iż-żmien kien jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministru Tonio Fenech) bejnu, l-Avukat Ġenerali, id-Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Artijiet Iman Schembri u Lino Mintoff, li kien il-Kap tas-Segretarjat ta’ Jason Azzopardi. Fis-7 ta’ Marzu 2011, Jason Azzopardi għamel nota fil-file tal-propjeta’ pubblika in kwistjoni fejn fisser bil-miktub l-istruzzjonijiet tiegħu biex jittieħdu l-passi legali kollha meħtieġa.

“Dan tas-7 ta’ Marzu kien l-aħħar involviment tiegħi f’dan il-każ,” sostna Jason Azzopardi. Madwar ġimgħatejn jew tliet ġimgħat wara, id-Dipartiment tal-Artijiet bagħat ittra uffiċċjali lil Vassallo Group fejn kienu informati formalment li l-Kummissarju tal-Artijiet talabhom jersqu għal taħdidiet dwar somma li għandha titħallas bħala kumpens għat-twaqqiegħ tal-kundizzjoni tal-birrerija.  Jekk dan ma jsirx, il-Kummissarju tal-Artijiet lest li jibda proċeduri legali għar-rexissjoni tal-kuntratt.

Jason Azzopardi xehed li f’Mejju tal-2011, kien irċieva telefonata jew ittra mingħand l-avukat ta’ Vassallo Group li talab laqgħa formali miegħu wara li l-klijent tiegħu irċieva l-ittra uffiċċjali mill-Kummissarju tal-Artijiet. “Jien għedtlu ‘ma niltaqax ma’ min għandu jew se jkollu proċeduri kontra d-Dipartiment tal-Artijiet’  u ħeġġiġtu juża’ iċ-channels uffiċjali.”

Jason Azzopardi kompla li n-naħa l-oħra kienu iffastidjati u kien sar jaf iktar minn xahar wara dan il-kuntatt meta s-Segretarju Ġenerali tal-PN ta’ dak iż-żmien Paul Borg Olivier kien qallu li Żaren Vassallo qed jgħid kontrih li ma tahx appuntament u  li kien arroganti.

“Hija gidba faħxija ta’ Owen Bonnici li Żaren Vassallo iltaqa’ miegħi ‘biex isib kompromess.’ Qatt ma ltqajt miegħu jew rappreżentanti tiegħu dwar każ pendenti. Qatt ma għamilt kompromessi u Żaren Vassallo għadu ma jkellimnix sal-ġurnata tal-lum.”

Jason Azzopardi irrefera wkoll għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li kien “faħħar l-azzjoni f’waqtha li ttieħdet minnu”. Hu għalhekk li hu ħassu nġurjat u fetaħ dawn il-proċeduri, għaliex qatt ma għamel xi ħaġa illeċita u dan kien ikkonfermat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.

Il-Każ ikompli.

Jason Azzopardi hu assistit mill-Avukat Joseph Zammit Maempel filwaqt li l-Avukati Pawlu Lia u Alessandro Lia qed jidhru għall-Ministru Owen Bonnici.