Internazzjonali

Reshuffle fil-Kabinett Britanniku wara r-riżenja ta’ Patel

Penny Mordaunt, id-deputat tal-Partit Konservattiv għall-kostitwenza ta’ Portsmouth North,  għadha kemm kienet ikkonfermata bħala membru tal-Kabinett tar-Renju Unit bħala Segretarju għall-Iżvilupp Internazzjonali.

Mordaunt qed tieħu post l-eks-Segretarju, Priti Patel, li rriżenjat wara li ammettiet li numru ta’ laqgħat li kellha ma’ Uffiċjali ta’ Iżrael ‘kienu nieqsa mit-trasparenza’.

Penny Mordaunt, l-istess bħal Patel, kienet fost il-Konservattivi li appoġġjaw it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea waqt il-kampanja tar-referendum qabel il-vot storiku tas-sena l-oħra.

Mordaunt, li għandha 44 sena, hi anki eksministru responsabbli għax-xogħol u l-pensjonijiet.

Intant, ir-riżenja ta’ Patel kienet it-tieni waħda mill-Kabinett fi spazju ta’ ġimgħa u wara li Gavin Williamson kien ħa post Sir Michael Fallon bħala Segretarju tad-Difiża.