Lokali

Sarraf il-flus Maltin qabel ma jibqgħalhomx valur

Jekk għad għandek karti tal-flus Maltin tal-Ħames serje, għadek fiċ-ċans li  ssarrafhom sal-31 ta’ Jannar 2018 mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Wara din id-data, il-karti tal-flus ta’ Lm2 (lewn aħmar), Lm5 (lewn ikħal), Lm10 (lewn aħdar) u Lm20 (lewn kannella) li ntużaw għall-ewwel darba f’Settembru 1989, ma jibqgħalhomx valur.

Kull persuna li tixtieq issarraf il-flus trid tippreżenta l-karta tal-identità tagħha. Dawk li jridu jsarrfu iktar minn Lm200, flimkien mal-karta tal-identità, iridu jippreżentaw ukoll n-numru tal-IBAN tal-bank biex b’hekk il-ħlas jintbgħat dirett fil-kont bankarju tal-individwu.

Fuq naħa minnhom, il-karti kollha msemmija għandhom  in-naħa ta’ quddiem komuni bi xbieha ta’ mara bi tmun f’idejha li tissimbolizza lil Malta.

Il-Bank javża li l-flus jistgħu jissarfu mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, Binja Ġlormu Cassar, St James’s Counterguard, il‑Belt Valletta (b’aċċess mill‑venda tal‑karozzi tal‑linja tal‑Belt jew minn Triq Ġirolamo Cassar) mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa bejn id‑9.30 u n‑12:30, minbarra fil-festi bankarji u pubbliċi.

Iktar informazzjoni dwar dan se tintbgħat f’kull dar mill-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-jiem li ġejjin.