Daniel Felice ta’ 29 sena mill-Għarb, Għawdex, kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta flok għadda ġuri li spara fuq raġel ieħor u kkaġunalu feriti gravi.
Il-każ imur lura għal Diċembru 2007 meta l-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali ġew infurmati li persuna ta’ nazzjonalità Ingliża kienet instabet feruta bi tlett tiri ta’ arma tan-nar fiċ-Ċirkewwa.
Ir-raġel, Sean Holmes, kien intlaqat b’dawn it-tiri waqt li kien qiegħed ġewwa l-Għarb, Għawdex.
Minn investigazzjonijiet ulterjuri li saru, irriżulta li dawn it-tiri ġew sparati minn pistola mir-residenza li tinsab fi Triq tat-Trux ġewwa l-Għarb u li allegatament il-persuna responsabbli li sparat dawn it-tiri kienet Daniel Felice.
Silvio Felice, missier l-akkużat, kellu relazzjoni barra ż-żwieġ ma’ Jeannette Holmes, li tiġi omm il-vittma. Jidher li din ir-relazzjoni kienet iddeterjorat tant li kien hemm anke xi abbużi fiżiċi li allegatament seħħew fil-konfront ta’ omm il-vittma minn missier l-akkużat fejn hi sofriet ġrieħi inkluż ksur f’saqajha u anke theddid.
Il-vittma f’dan il-każ, Sean Holmes iddeċieda li jmur ifittex lil Silvio Felice biex jikkonfrontah dwar il-mod kif kien jittratta lil ommu. Huwa mar Għawdex fejn sab ir-residenza ta’ Silvio, inqala argument bejniethom u eventwalment iż-żewġt’ irġiel ġew fl-idejn.
Silvio Felice imbotta lil Sean Holmes li rritalja u tah daqqa ta’ ponn ġo wiċċu. Sadanittant, l-akkużat f’dawn il-proċeduri Daniel Felice, li dak il-ħin inzerta qiegħed fir-residenza, allegatament qabad arma tan-nar li kienet ikkargata u spara tliet tiri ta’ arma tan-nar fid-direzzjoni ta’ Sean.
Minkejja li ntlaqat, Sean ma tilifx ħajtu, għalkemm baqa’ jbati mir-riperkussjonijiet ta’ dawn il-ġrieħi.
Fid-dawl ta’ dan l-Avukat Ġenerali akkuża lil Daniel Felice bl-attentat ta’ qtil ta’ Holmes, li spara arma tan-nar f’post abitat, li fil-ħin tad-delitt kellu fuqu arma jew munizzjon, kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja. Dan kollu mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-każ ħa żvolta ġdida meta l-ġimgħa li għaddiet, l-Avukat Ġenerali iddikjara li kien dispost li f’każ li l-akkużat jammetti r-reat ta’ ferita gravi huwa kien se jaċċetta din l-ammissjoni bħala alternattiva għall-akkuża tal-attentat ta’ qtil.
Għaldaqstant, il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkundannat lil Daniel Felice għal piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ordnat il-konfiska tal-arma tan-nar u l-munizzjon, il-Qorti ħarġet ukoll projbizzjoni milli jkollu jew jikseb kwalunkwe liċenzja relatata ma’ armi għal żmien erba’ snin mil-lum.
//= $special ?>