Il-militar tas-Sirja qal li rnexxielu ‘jillibera bis-sħiħ’ lill-belt ta’ Albu Kamal li kienet l-aħħar fortizza urbana tat-terroristi tal-ISIS f’dan il-pajjiż.
Il-kmandanti militari qalu, sadattant, li din ir-rebħa qed turi ‘it-tmiem tal-proġett li mexxiet l-organizzazzjoni terroristika tal-ISIS fir-reġjun’.
Dan waqt li grupp għall-moniteraġġ tas-sitwazzjoni qal li l-militanti tal-ISIS kienu rtiraw lejn zona oħra tal-provinċja ta’ Deir al-Zour, wara n-negozjati.
L-ISIS, issa, qed jikkontrolla biss ftit villaġġi u zoni qalb id-deżert lejn it-Tramuntana ta’ Albu Kamal, flimkien ma’ ftit inħawi oħra fis-Sirja.
Il-moviment tal-ġiħadisti, fl-2014, kien ħataf territorji sħaħ fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq meta ħabbar ‘kalifat’ u filwaqt li impona l-istil brutali tat-tmexxija ‘sinonima mal-ISIS’ fuq xi 10 miljun persuna.
Madankollu, l-ISIS sofra sensiela ta’ disfatti militari kruċjali fl-aħħar sentejn, fejn tilef il-belt ta’ Mosul, li kienet l-akbar fortizza tiegħu fl-Iraq, flimkien mal-belt Sirjana ta’ Raqqa li serviet għal snin bħala ‘il-kapitali tal-Kalifat’.
Sadattant is-suċċess tal-militar Sirjan f’Albu Kamal qed ikun imfisser bħala ‘kisba strateġika li tixpruna l-aħħar elementi tal-organizzazzjonijiet terroristiċi mill-artijiet tas-Sirja’.
//= $special ?>


