Futbol Sport

Evra sospiż minn Olympique Marseille u sospiż mill-UEFA

Patrice Evra sospiż sa Ġunju 2018

Il-kuntratt ta’ Patrice Evra kien terminat minn Olympique Marseille wara li kien sospiż ta’ Ġunju tal-2018 minħabba daqqa ta’ sieq lill-partitarju. L-eks captain ta’ Franza tkeċċa qabel il-logħba li Marseille tilfu kontra Vitoria fit-2 ta’ Novembru wara li mar għal partitarju li Evra qal li kien qed jabbużah verbalment.

Il-UEFA kkastigat lil Evra taħt l-artiklu 15 tar-regolamenti tad-dixxiplina, li għandha x’taqsam mal-kondotta tal-plejers u ssospendiet lill-plejer sa Ġunju. Il-klabb Franċiż segwa din l-aħbar billi ttermina l-kuntratt ta’ Evra b’effett immedjat.

Stqarrija fuq is-sit uffiċjali ta’ Marseille qalet “Patrice Evra kien eżemplari fuq il-pitch u fid-dressing room. Hu lagħab parti importanti biex it-tim tjieb fir-riżultati. Iżda fit-2 ta’ Novembru f’Guimaraes għamel att irreparabbli meta rrisponda għal provokazzjonijiet. Xejn ma jiġġustifika reazzjoni bħal dik, speċjalment minn plejer veteran li l-attitudni kemm ġewwa u barra l-pitch għandhom jispiraw it-tfal.”

L-istqarrija tal-klabb kompliet tgħid li fil-kuntest, il-kundizzjonijiet ma baqgħux aktar tajbin għal Patrice Evra li jilħaq l-għanijiet. Huma komplew jgħidu li ż-żewġ partijiet qablu li jtemmu l-kollaborazzjoni bi qbil reċiproku.

Olympique Marseille kienu mmultati wkoll €25,000 mill-UEFA minħabba li l-partitarji invadew għall-pitch li wasslu għall-inċident.