Lokali

“Il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom mhumiex statistika” – Therese Comodini Cachia

Seminar organizzat mill-MEA u l-FOR.U.M dwar il-mobilta' tal-ħaddiema u l-kwalitajiet fis-suq Malti

“Ma rridux nħarsu lejn il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom bħala sempliċiment statistika, u l-mira tagħna tkun biss li ntejbu dik l-istatistika – iżda rridu ninvestu fis-sistema’ edukattiva tagħna, u naħdmu mhux biss mal-edukatuti iżda wkoll ma’ dawk li jimpjegaw – dan sabiex nibqgħu ntejbu l-kwalitajiet tal-ħaddiema”. Dan hu kliem id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia waqt seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) u l-Forum Unions Maltin.

Il-kelliem għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia pparteċipat flimkien ma’ numru ta’ kelliema oħra fis-seminar li fih ġiet diskussa problema li pajjiżna qed jaffaċċja, dik li skont l-aħħar statistika turi li l-ħaddiema Maltin mhux qed idumu fl-istess impjieg tagħhom. Statistika turi li ħaddiem medju Malti ta’ tletin sena,  ikun diġa’ kellu ħames postijiet tax-xogħol.

Dwar dan, Therese Comodini Cachia qalet li hemm differenza bejn dak li jiġi diskuss fl-Ewropa u f’Malta. Fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi jiddiskutu kief se jtejbu l-mobilta’ tal-ħaddiema u kif se jinvestu f’min hu bla xogħol. Minn naħa l-oħra, id-diskussjoni fuq livell nazzjonali f’Malta hi dik dwar kif min iħaddem mhux jinvesti fil-ħaddiema tiegħu stess hekk kif bir-raġun jibża’ li dawn mhux se jdumu fil-post tax-xogħol tagħhom mal-kumpanija.