Formula 1 Sport

Kimi Raikkonen jittama li jisfida għat-titlu tal-Formula 1 fl-2018

Kimi Raikkonen jipparteċipa f'attività f'Interlagos (Ritratt: EPA)

Kimi Raikkonen qed jimmira li jkun parti mit-taqtigħa biex jisfida għar-rebħ tal-kampjonat fl-2018 u qal li l-Ferrari jridu jneħħu l-iżbalji li saru din is-sena li wasslu biex naqsu li jirbħu t-titlu tas-sewwieqa. Raikkonen kien l-aktar veloċi fit-testijiet tax-xitwa iżda sussegwentament kellu staġun diżappuntanti.

Il-Finlandiż għadda ħames darbiet lil Sebastian Vettel fil-provi uffiċjali, spiċċa qabel sieħbu darbtejn biss fit-tiġrija u hu l-uniku sewwieq mill-ewwel tliet timijiet li ma rebaħx tiġrija.

Iżda Raikkonen jemmen li dan l-istaġun kien kawża ta’ bidu ħażin tal-kampjonat, u jittama li jkun hemm titjib is-sena d-dieħla wara li ġedded il-kuntratt b’sena.

“Irrid nissielet fuq quddiem kull ġimgħa u nkun kapaċi nisfida għat-titlu s-sena d-dieħla. Naħseb li bdejna ħażin ħafna din is-sena, u ma konniex fejn kellna nkunu fl-opinjoni tiegħi. L-għan hu li nkunu aħjar, li nissieltu għar-rebħiet u għat-titli. Dak hu dak li bħala tim irridu niksbu u bħala sewwieq irrid nagħmel.

Minn meta Raikkonen rebaħ it-titlu fl-2007, l-ebda sewwieq tal-Ferrari ma reġa’ rebaħ kampjonat filwaqt li l-aħħar kampjonat mirbuħ mill-Ferrari kien fl-2008.

F’dan l-istaġun, Ferrari ilhom ma jirbħu tiġrija minn Lulju u filwaqt li Vettel kien fuq quddiem fil-kampjonat bejn Marzu u Settembru, żbalji mekkaniċi wasslu biex it-tamiet tiegħu jintemmu tiġrija wara l-oħra.

Raikkonen jaħseb li l-Ferrari jistgħu jieħdu xi ħaġa pożittiva minn dan l-istaġun, wara li rebħu aktar tiġrijia mit-tliet staġun preċedenti flimkien. Hu jemmen li għandhom l-għodda t-tajba biex jirbħu ż-żewġ kampjonati jekk jitgħallmu mill-iżbalji.

“Bħala tim, għamilna pass kbir mis-sena l-oħra, imma mhux biżżejjed għal mal-Ferrari rridu nirbħu l-kampjonati. Naħseb li kellna l-għodda kollha din is-sena, irridu nkunu aktar preċiżi u ma nagħmlux żbalji la mis-sewwieqa u l-anqas mit-tim. Affarijiet żgħasr li finalment lagħbu parti kbira din is-sena. Fil-bidu tas-sena, se jkollna idea ta’ fejn se nkunu u naraw fl-ewwel tiġrijiet x’se jiġri,” temm jgħid Raikkonen.