Lokali

Sewwieq ta’ mutur jitlef ħajtu f’inċident tat-traffiku fi tmiem ġurnata xogħol, żewġ kantunieri bogħod

Sewwieq ta’ mutur tilef ħajtu tard ilbieraħ filgħaxija f’inċident tat-traffiku fil-Ħamrun minuti biss wara li kien għadu kif spiċċa ġurnata xogħol fil-fabbrika tal-ipproċessar tal-ħalib, żewġ kantunieri biss bogħod mill-post tal-inċident.

Kien għall-ħabta tal-ħdax neqsin għaxra li l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq il-Kbira San Ġuzepp, il-Ħamrun.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li seħħ inċident bejn mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ 60 sena, residenti Birkirkara, Citroen C3 li kienet qed tiġi misjuqa minn mara ta’ 60 sena residenti s-Swieqi u Bmw 118d li kienet qed tinstaq minn ġuvni ta’ 19-il sena mill-Ħamrun. Mal-impatt, intlaqtu wkoll vetturi li kienu pparkjati.

Fuq il-post ġiet imsejħa ambulanza biex tieħu lis-sewwieq tal-mutur lejn l-isptar Mater Dei iżda sfortunatament ġie iċċertifikat mejjet fil-post.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Dr M Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjoni dwar dan l-inċident għadha għaddejja.