Internazzjonali

Steven Seagal akkużat b’fastidju sesswali

L-attriċi Amerikana Portia de Rossi akkużat lill-attur u produttur tal-films, Steven Seagal, b’fastidju sesswali. Dan hu allegat li seħħ meta hi kienet qed tipprova tikseb rwol fi produzzjoni ta’ film.
De Rossi, li hi miżżewwġa lil Ellen DeGeneres, li tippreżenta programm famuż fuq stil talk show, fl-Istati Uniti, ħarġet bl-allegazzjoni fuq Twitter fejn sostniet li hi kienet għaddejja minn audition meta Seagal qalilha kemm kien importanti li l-atturi fi produzzjoni jkunu jaqblu ma’ xulxin ’il hinn mix-xogħol, filwaqt li għamlilha mossa indiċenti.
Il-manager ta’ Seagal, intant, qal li l-attur ta’ 65 sena – li sar famuż fis-snin tmenin u d-disgħinijet, b’diversi films ta’ azzjoni bħal Under Siege u Flight of Fury — ma kellu l-ebda kumment x’jagħmel. Steven Seagal kien ingħata ċ-ċittadinanza Russa mill-President tar-Russja, Vladimir Putin, fl-2016.
Intant, nisa oħra li akkużaw lil Seagal b’komportament simili inaċċettabbli jinkludu l-attriċi Julianna Margulies u l-mudella u attriċi Jenny McCarthy.