Il-maltempata qalila li dalgħodu laqtet lil pajjiżna affettwat numru ta’ titjiriet li kienu skedati li jaslu f’Malta.
Fost it-titjiriet milquta kien hemm dik tal-iScandinavian Airlines SK1845 minn Stokkolma, li kellha tibdel ir-rotta għall-Ajruport ta’ Palermo.
Barra minhekk, tliet titjiriet oħra kellhom ibiddlu r-rotta għall-Ajruport ta’ Katanja: it-titjira tal-British Airways BA2644 minn Gatwick u żewġ titjiriet tar-Ryanair FR2411 u FR7796 minn East Midlands u Marseille rispettivament.
U titjira konġunta bejn l-Air Malta u l-Austrian Airline, bin-numri KM515 u OS8711 minn Vjenna, kellha tinżel fl-Ajruport ta’ Tuneż.
Dawn it-titjiriet, li oriġinarjament kienu skedati għal bejn 12pm u s-12.45pm, waslu Malta aktar tard matul il-jum.
Dan ħarbat xi ftit ir-rutina tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’numru ta’ titjiriet oħrajn kellhom jinżlu aktar tard mill-ħin skedat.
(Ritratt: mill-Arkivji)
//= $special ?>