Lokali

Tippersisti sitwazzjoni ta’ inċertezza qalb l-istudenti tas-saħħa

Iż-żmien qed jagħfas biex kwistjoni bejn il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel u l-Gvern, li ilha għaddejja ġimgħat u laħqet il-qofol tagħha b’azzjonijiet industrijali tissolva qabel l-istudenti tan-nursing jispiċċaw bla marki intortament.

Il-kwistjoni hi dwar il-mentoring tal-istudenti, jiġifieri professjonisti li jassistu lill-istudenti waqt li jkunu qed jaraw lill-pazjenti fis-swali tal-isptar fl-istess waqt li jtuhom pariri professjonali, prattiċi u wkoll jiġu assessjati dwarhom.

Iżda l-mentoring mhux isir fuq direttiva tal-MUMN li qed titlob li l-infermiera jitħallsu ta’ dan ix-xogħol, bil-Gvern li s’issa għadu ma ssodisfax it-talbiet tal-union. Sat-3 ta’ Diċembru, il-mentors iridu jkunu taw il-feedback lill-Fakultà biex tinġareġ marka, iżda l-mentoring s’issa għadu ma bediex isir.

Fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li għaliha attendew għexieren ta’ studenti affettwati, tkellimna Kaitlyn Byrne, President tal-MHSA.

Kaitlyn Byrne: Mill-ewwel darba li tkellimna sa llum ma nbidel kważi xejn. Filfatt għalhekk kellna nżommu din il-laqgħa llum biex nagħmlu iżjed pressjoni milli konna qed nagħmlu qabel biex l-istudent jieqaf ikun fin-nofs.

Naomi Attard, Segretarju Ġenerali tal-istess għaqda tispjega li mingħajr dawn il-marki tal-mentoring, l-istudenti jirriskjaw li ma jgħaddux.

Naomi Attard: Jekk xi ħadd ma jgħaddix minn dawk it-10 ECTS irid jew jagħmilhom fis-sajf jew jirrepeti s-sena. Ħafna studenti ma jaffordjawx li jagħmlu dan il-pass.

Net News tkellem ukoll ma’ diversi studenti li spjegaw kif din is-sitwazzjoni qed taffettwahom direttament.

Francesca Grech: Jekk int ma tgħaddix, se jkollna nirrepetuh fis-sajf, fejn aħna diġa’ jkollna placement ieħor. Dan ukoll se jaffettwana għax fis-sajf mhux se jkollna mqar xahar off li tkun tista’ taħdem u tipprova ttella’ l-flus. Għalina diġa’ diffiċli li ttella’ l-flus li jkollna bżonn biex tissapportja lilek innifsek.

Antonia Tabone: Aħna qegħdin hawn fil-kros mhux biss għall-eżami imma wkoll għall-pazjent. Jekk mhux se jkollok mentor tajjeb, li jurik it-triq tajba li mhux biss kemm tagħti l-pilloli imma li tara l-pazjent b’mod ħolistiku. Jiġifieri aħna għalxejn se niġu hawn mingħalina nafu kollox imma rridu lil xi ħadd jiggwidana biex inkunu nurses kompetenti.

Andrea Caruana: Għażilna din il-professjoni wara ħafna ħsieb, dubji u sagrifiċċji personali allura mhux sew li jwaqqfuna milli navvanzaw.

JessicaJoan Park: Kellna ħafna studenti jiġu għandna jibku għaliex mhux jiġu mgħallma, b’riskju għall-pazjenti għaliex mhux ċerti x’għandhom jagħmlu waqt il-placements minħabbba li mhux jiġu segwiti minn mentor.

Aħna l-futur tas-settur tas-saħħa. Għandna bżonn l-għarfien. Jekk ma niksbux il-prattika, kif nistgħu niggradwaw u nkunu l-aqwa infermieri li qatt rat Malta?

L-istudenti huma appoġġjati wkoll mill-Kunsill Studenti universitarji, kif jispjega l-President Robert Napier.

Robert Napier: Dawn l-istudenti fl-aħħar mill-aħħar iridu jlestu l-istudji tagħhom, u din id-direttiva li qegħda fis-seħħ ħa taffettwa l-gradi tagħhom fl-eżamijiet ta’ Jannar. Hemm deadline sat-3 ta’ Diċembru fejn dawn l-istudenti għandhom 10 credits, li hu ammont sostanzjali sew, li fuqhom ma jafux x’se jiġri. Aħna bħala KSU nħossu li għandna nagħmlu pressjoni u, bħalma wegħdna lill-istudenti, mhux se nieqfu sakemm l-istudenti jserrħu rashom li l-istudji tagħhom mhux se jiġu affettwati.

L-appell tal-istudenti għal soluzzjoni f’din il-kwistjoni qed ikun appoġġjat ukoll mill-għalliema tagħhom, tant li l-istudenti kienu eżentati mil-lectures biex setgħu jattendu għall-konferenza tal-aħbarijiet.