Tnediet it-tmien edizzjoni tal-ktieb tar-riċetti Tisjir mill-Qalb.
Il-pubbliku se jkun jista’ jibda jixtri dan il-ktieb billi jagħti donazzjoni ta’ €10 li se jmorru b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Waqt konferenza tal-aħabrijiet li matulha saret it-tnedija ta’ dan il-ktieb ġie spjegat li r-riċerka u l-ko ordinazzjoni fl-għażla tar-riċetti saret minn Noel Buttigieg u minn Lino Schembri bil-kollaborazzjoni tal-Universita’ ta’ Malta u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi.
Il-ħsieb wara l-ktieb ta’ din is-sena ġej minn xena mill-film Taljan Il Postino. Xena li fiha anzjana tinforma lill-pustier dwar il-kappar li ppreparat għal binha li kien emigra lejn l-istati uniti.
Għalhekk bħala ċelebrazzjoni ta’ togħmiet kulinarji, il-ktieb għandu l-ħsieb li jfakkar, lil dawk il-Maltin u Għawdxin li emigraw, fl-ikel ippreparat minn ingredjenti lokali.
Ir-riċetti fil-ktieb Tisjir mill-Qalb ivarjaw, hemm ricetti bil-hut, ricetti bil-laħam, sopop, Riċetti bl-għaġin u anke ricetti ta’ deċerti. Hemm imbgħad menus differenti fuq ideat ta’ koki differenti.
Waqt it-tnedija tal-ktieb sar l-appell biex filwaqt li l-pubbliku jista’ jibbenifika minn ktejjeb b’riċetti ta’ ikel bnin ma jinsiex li b’dik id-donazzjoni se jgħin persuni fil-bżonn.



