Futbol Sport

It-Torok jiddominaw iżda jirbħu b’gowl fortunat

Dennis Hummet issikkat minn Juan Carlos Corbolan (Ritratt: Matthew Tabone)

MALTA…………….0

TURKIJA…………..1

Malta: J. Galea, J. Mbong, K. Micallef, J. Borg, K. Zammit, D. Vella (Z. Scerri 80’), D. Xuereb (J. Walker 59’), J. Grech, J. Corbolan (Z. Brincat 86’), J. Degabriele, K. Nwoko

Turkija: M. Sengezer, M. Celik, E. Ersoy (R. Hanli 70’), M. Demiral, A. Aydin, D. Kilic, H. Ozkan, O. Cinar (M. Okutan 87’), D. Hummet (C. Koca 79’), U. Bozok, K. Kanatsizkus

Imwissija: J. Corbolan 31’, D. Xuereb 41’, J. Borg 69’, K. Zammit 72’, J. Mbong 81’ (M), D. Hummet 44’ (T)

Skorja: K. Micallef og 50’ (T)

Referee: Alexandru Tean (Moldova)

Assistenti Referees: Anatolie Bodean, Victor Mardari (Moldova)

Gowl kmieni fit-tieni taqsima kien biżżejjed għat-Turkija biex jiksbu l-ewwel rebħa minn Grupp 6 għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena. Bla dubju r-rebħa kienet meritata għat-Torok li ddettaw il-logħob mill-bidu sal-aħħar u kienu sfortunati li ma ħarġux b’rebħa akbar.

Fuq in-naħa l-oħra, diżappunt kbir għat-tim Malti bi prestazzjoni fqira fejn qatt ma kienu perikolużi lejn il-lasta ta’ Sengezer. Matul id-90 minuta, it-tim Malti kważi lagħab nofs grawnd, bit-Turkija jkollhom ċans wara l-ieħor.

Kien biss il-gowlkiper Malti Jake Galea li kellu partita brillanti fejn salva diversi drabi u kien sfortunat li sofra l-gowl b’xutt li kien destinat barra. Kieku ma kienx għall-bravuri tiegħu, ir-riżultat finali kien ikun ferm akbar.

Il-kowċ Malti Silvio Vella ħareġ b’sistema ta’ 4-3-2-1 b’Dexter Xuereb u Jake Grech jagħtu l-appoġġ lill-attakkant ewlieni Kyrian Nwoko, filwaqt li Jurgen Degabriele u Joseph Mbong lagħnu mal-linji.

It-Turkija ħolqu l-ewwel periklu wara 12-il minuta minn free-kick mix-xellug li ħoloq paniku fid-difiża Maltija. Il-plejers Maltin naqsu li jbiegħdu l-periklu bil-ballun finalment jispiċċa għand Deniz Hummet, iżda x-xutt tal-aħħar għadda ferm barra. Erba’ minuti wara, free-kick ta’ Orkan Cinar kien salvat mingħajr diffikultà minn Jake Galea.

Minuta wara ċans ieħor għat-Torok b’kombinazzjoni bejn Cinar u Hummet iżda x-xutt tal-midfielder mill-viċin għadda ferm għoli. Il-captain Cinar kompla jkun fost l-aktar attivi u fit-23 minuta prova b’xutt minn barra l-kaxxa li għadda fuq il-lasta.

It-Turkija kellhom l-aħjar ċans li jmorru minn fuq fil-35 minuta bi kross fil-baxx ta’ Ali Aydin li sab fil-kaxxa lil Mehmet Celik li xxuttja fil-baxx iżda laqat sieq il-wieqfa. Sitt minuti wara reġa’ kien Orkan Cinar li impenja li Jake Galea b’xutt għar-rokna iżda l-gowlkiper Malti dawwar f’korner bi bravura.

Ftit wara mill-istess korner, Jake Galea reġa’ kien protagonist meta salva minn quddiemu daqqa ta’ ras ta’ Kubilay Kanatsizkus, bil-ballun jibqa’ għand it-Torok u wara azzjoni personali Ertugrul Ersoy mill-viċin xeħet għoli.

It-Turkija komplew jattakkaw u fid-49 minuta kellhom opportunità oħra tajba b’Umut Bozok jiftaħ id-difiża Maltija lejn Hummet iżda Galea salva f’korner b’siequ. Iżda t-Torok irnexxielhom jiftħu l-iskor bl-aktar mod fortunat. Kien xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Kanatsizkus li kien destinat għal barra, il-ballun ħabat ma’ Karl Micallef u spiċċa fir-rokna l-oħra b’Jake Galea megħlub.

Bit-tim Malti maħsud, it-Turkija komplew jattakkaw u fit-52 minuta Jake Galea reġa’ kien attent biex dawwar f’korner xutt ta’ Umut Bozok. Erba’ minuti ċans ieħor perikoluż għat-Turkija, b’Hummet jikkrossja fil-baxx lejn l-iżmarkat Bozok, iżda minn qagħda ideali għamel l-impossibbli u xeħet għoli.

Aktar attakki Torok fit-63 minuta b’Joseph Mbong jirnexxielu jsalva gowl ċert b’xutt mill-viċin ta’ Kanatsizkus. Il-logħba naqset fir-ritmu, bit-Turkija jikkontrollaw il-logħob filwaqt li t-tim Malti baqa’ mhux perikoluż. Ħames minuti mit-tmiem, it-tim Malti ħoloq nofs ċans bi kross perikoluż ta’ Jurgen Degabriele lejn Jake Grech, iżda Sengezer ħareġ jimblokka fil-ħin.