Id-Dwana Maltija qed timplimenta żieda qawwija fil-multi għal min jinqabad jimporta, jbigħ u jikkonusma sigaretti bil-ktrabandu.
Fi stqarrija d-Dwana qalet li l-importazzjoni, il-bejgħ u l-konsum ta’ sigaretti tal-kuntrabandu qed jagħmel ħsara kbira lill-pajjiż. F’dawn l-aħħar xhur id-Dipartiment tad-Dwana, apparti l-kampanja agressiva ta’ infurzar li kien għaddej biha, kien qiegħed jeżamina sew is-sitwazzjoni.
Minn dan l-eżerċizzju ħareġ ċar li, potenzjalment, l-effett tad-deterrent fuq min jikser il-liġi kien relattivament baxx tant li ma kienx qiegħed jiskoraġġixxi s-sogru għall-kuntrabandu. Tant hu hekk, li huma ħafna l-każi ripetittivi li taqbad id-Dwana.
Għalhekk, inħass il-bżonn li tiġi ittrattata din is-sitwazzjoni anomala fid-diversi oqsma b’mossa li tindirizza kemm id-domanda għal dan il-prodott , kif ukoll l-ammont għad-dispożizzjoni biex jissodisfa din id-domanda . Dan ifisser li d-Dwana ma kien fadlilha l-ebda triq oħra ħlief li tibda tipproċedi bl-istess mod kemm kontra min jimporta u jbiegħ, kif ukoll kontra min jikkonsma tali sigaretti.
Id-Dwana sostniet li għal dan il-għan ġew emendati l-provvedimenti tal-liġi li jirrigwardjaw il-multi fuq evażjoni ta’ sisa. Iż-żieda f’dan ir-rigward mhix kosmetika l-multi minimi fuq reati deċiżi bi ftehim barra l-Qorti qed jiżdiedu minn €250 għal €1,500; il-multi minimi fuq reati ttrattati mill-Qorti qed jiżdiedu minn €500 għal €3,500 fil-każ ta’ konfiska, u minn €600 għal €4,000 fil-każ ta’ evażjoni u l-multa massima fuq reati ttrattati mill-Qorti hija ta’ €25,000. Minbarra dan id-deterrent, l-awtoritajiet tad-Dwana u tal-Pulizija se jkunu qed iżidu l-infurzar u dan billi jsaħħu r-riżorsi tagħhom.
Id-Dipartiment tad-Dwana seta’ mar iktar minn hekk, imma ħass li, għalissa, daqshekk għandu jkun biżżejjed biex jitwassal il-messaġġ meħtieġ. Min jidhirlu li għandu jibqa’ jippersisti fil-ksur tal-liġi issa se jsib liġi aktar soda u b’saħħitha u dan għaliex iċ-ċittadin onest, li jħallas it-taxxi kollha, jimmerita li jkun protett b’mod aktar qawwi.
//= $special ?>