Lokali

Il-President ta’ Malta tniedi l-inizjattiva ‘Work Skills Workshops’

It-tnedija tal-‘Work Skills Workshops’ ġiet ppressedieta mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Din kienet inizjattiva ta’ The President’s Trust, flimkien ma’ Boston Link u Narrative Structures.

Il-President Coleiro Preca qalet li matul dawn it-tliet snin, permezz ta’ The President’s Trust “irnexxielna nibdew għadd ta’ inizjattivi mmirati lejn żgħażagħ vulnerabbli fosthom iż-żgħażagħ fl-out-of-home care.” Fost dawn l-inizjattivi, il-president għandha għal qalba l-inizjattivi li jgħinu sabiex tingħata d-dinjità meħtieġa lil dawn iż-żgħażagħ filwaqt li tenniet li “jekk hemm xi ħaġa li tagħti d-dinjità lil persuna, din hija propju l-impjieg.”

L-inizjattiva tal-‘Work Skills Workshops’, ser tkun qed tgħaqqad mal-inizjattiva tal-‘Employment Initiative’, li ġiet mnedija aktar kmieni din is-sena.

Fid-dawl ta’ dan, il-President Coleiro Preca qalet li dan huwa mument importanti fejn permezz ta’ dan il-“linking” bejn l-inizjattivi, “inkomplu nagħtu valur lix-xogħol li aħna qegħdin nagħmlu, indirizzat partikolarment lejn iż-żgħażagħ li għandhom bżonn l-ispalla tagħna.”

Fl-aħħarnett, il-President stqarret li tinsab ferm kuntenta li mil-lum stess, ħmistax-il żagħżugħ u żagħżugħa li, fil-maġġor parti tagħhom ġejjin mill-out-of-home care, ser jkunu qed jipparteċipaw fl-ewwel minn dawn il-workshops.

“Din hija l-inqas ħaġa li nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom sabiex ikollhom il-ħiliet meħtieġa biex jidħlu fid-dinja ta’ xogħol,” temmet tgħid il-President ta’ Malta, filwaqt li rringrazzjat lil Narrative Structures, lil Boston Link u lill-President’s Trust, talli f’sens sabiħ ta’ kollaborazzjoni u sinerġija, ser jkunu qed imexxu din l-inizjattiva tant importanti, b’risq id-dinjità ta’ dawn iż-żgħażagħ.