Lokali

L-Inċidenti fil-Junior College: Ħsarat fil-Kanċelli wara li studenti ipprovaw jidħlu fil-bini

L-Università ta’ Malta, li hija responsabbli mill-Junior College, tiddeplora bil-qawwa kollha u mingħajr ebda riserva l-incidenti li seħħew matul dan il-lejl wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsill Studenti talJunior College.

Fi stqarrija, l-Universita’ qalet li l-amministrazzjoni tal-kulleġġ ħadet il-prewkazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex tassigura li dawn lelezzjonijiet isiru f’ambjent ċivili u ta’ tolleranza. L-inċidenti li seħħew matul illejl saru barra l-konfini tal-Junior College numru ta’ sigħat wara li kien ħareġ ir-riżultat.

L-Universita’ qalet li hekk kif thabbar ir-rizultat numru ta’ studenti li kienu qegħdin barra l-konfini tal-Kulleġġ bdew jippruvaw jidħlu biex jitilgħu t-taraġ prinċipali tal-binja. Ir-rassa kienet tali li saret ħsara fiż-żewg kanċelli tal-Kulleġġ u li dwar dan sar rapport lill-Pulizija. Hekk kif aktar studenti daħlu fil-konfini tal-kulleġġ, issejħu aktar Pulizija fuq il-post, li ordnaw lil kulħadd biex joħroġ mill-konfini tal-Kulleġġ.

L-istqarrija ttemm bl-Università ta’ Malta tesprimi s-solidarjetà tagħha mal-Puliżija li weġġgħet waqt il-qadi ta’ dmirijietha.